L-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar Birzebbuġa fi ħdan is-Soċjetà Filamonika San Pietru Banda Birżebbuġa kisbu suċċess fil-Festival tal-logħob tan-nar tal-art mekkaniżżat ta’ din is-sena.
Barra li huma r-Rebbieħa tal-Festival, l-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar Birzebbuġa kklassifikaw bħala Rebbieħa tal-Aqwa Prodotti filwaqt li rebħu wkoll il-Premju għall-Oriġinalità.
Tkellimna ma’ Eman Farrugia dwar il-livell għoli tal-irdieden u l-ispettaklu li tat l-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar Birzebbuġa, nhar it-22 ta’ April li għadda.
Huwa spjegalna aktar dwar l-unuri li kisbu u xi jfisser għalihom dan is-suċċess.
“Għalina tfisser ħafna, huwa l-ewwel unur għalina anke bħala raħal, irbaħna l-festival għal-ewwel darba, ħdimna għalih, ilna naħdmu għalih dawn l-aħħar tliet xhur, kemm min-naħa tal-kamra tan-nar, kif ukoll min-naħa tan-nies li jaħdmu l-ħadid, inħarsu ‘l quddiem u issa biex nagħmlu u nkomplu x-xogħol għal-festa issa, hekk Alla jrid.”
L-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar Birzebbuġa se tkun qed tiċċelebra dan is-suċċess b’quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Knisja Parrokjali, segwita b’marċ brijuż mill-Banda Birżebbuġa mat-toroq tar-raħal.