Fl-24 ta’ Ġunju l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu se tkun qed tfakkar 115-il sena mit-twaqqif tagħha permezz ta’ programm ta’ marċi fis-sede tagħha stess.
Dan il-programm se jibda fit-8:00 ta’ filgħaxija u se jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast tal-Banda San Gejtanu, Mro. Jonathan Borg FLCM.
Minħabba l-miżuri li qegħdin in vigore, f’dan il-programm ma jistax ikun hemm udjenza, iżda l-pubbliku b’mod ġenerali se jkun jista’ jisma’ u jsegwi dan il-programm fuq il-paġna ta’ Facebook tal-għaqda, Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906 Paġna Uffiċjali jew inkella minn screens li se jkunu armati apposta fil-partijiet tal-bar skont il-protokolli maħruġa.
L-Għaqda spjegat kif qed tkun proattiva u minkejja r-restrizzjonijiet kollha li hemm fis-seħħ, qed tagħmel l-almu tagħha sabiex din il-ġurnata ma tgħaddix qisu xejn mhu xejn.
Waqt dan il-programm se jindaqqu marċijiet tal-ikbar kompożituri Maltin fosthom enfażi fuq Joseph Abela Scolaro li ħalla wirt imprezzabli lill-Għaqda u Surmastrijiet oħrajn bħal Vincenzo Ciappara u oħrajn.