L-Għaqda tal-Konsumaturi tinsab imħassba dwar il-theddida li l-istrajk tal-pompi tal-petrol ikompli jeskala jekk ma jintlaħaqx ftehim mal-Gvern biex ikun hemm żieda fil-qligħ fil-bejgħ tal-fjuil biex dawn jiggarantixxu li sal-2020 il-pompi jkunu skont l-istandards mitluba mill-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija spjegat kif min-naħa l-Għaqda għandha s-serħan tal-moħħ li l-Ministru responsabbli li l-ftehim ma jkunx ta’ detriment għall-konsumaturi. Iżda min-naħa l-oħra, l-Għaqda hi mħassba li l-GRTU teskala l-istrajk li żgur jolqot lill-konsumaturi.
Hemm aspetti oħra li jħassbu lill-Għaqda. Fost dawn insibu li skont l-informazzjoni mxandra, il-pompi tal-fjuwil kienu diġa’ ngħataw żieda fl-2011 bħala kumpens biex dawn iġibu l-istandard tal-pompi fl-2020 skont l-istandards mitluba mill-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li l-konsumaturi ilhom li ħallsu biex dawn l-istandards jintlaħqu. Ifisser ukoll li dan is-sussidju ilu għaddej għal dawn l-aħħar 7 snin u li minflok intuża biex jitjiebu l-istandards tal-pompi, iddawwar fi profitt.
L-Għaqda spjegat kif mhi kuntenta xejn li llum saret drawwa li ftehim li jkun intlaħaq, il-parti li tkun ħadet xi sussidju ma żżommx il-ftehim milhuq. Dan qed tarah ukoll dwar il-kumpens li numru ta’ distributuri taċ-ċilindri tal-gas kienu ħadu fl-2015. F’dak il-ftehim dawn id-distributuri kellhom numru ta’ obbligi fosthom li jibdew jagħtu irċevuta u li jkun hemm call centre. L-Għaqda qalet li ilha li ġibdet l-attenzjoni tal-Awtorita’ responsabbli, iżda xorta ma sar xejn. Barra minhekk, l-Għaqda ma tistax tifhem il-ġustifikazzjoni għaliex ċerti setturi għandhom jingħataw sussidju biex jiggarantixxu li qed jimxu skont l-istandards stabiliti. Tajjeb li niftakru li sew meta ddaħħlet il-VRT u sew meta żdiedu l-istandards tal-VRT, il-konsumaturi li għandhom vettura ma ngħataw l-ebda sussidju għaliex kien fl-obbligu tagħhom li jaraw il-vettura tagħhom tilħaq l-istandard meħtieġ.
Għalhekk filwaqt li awgurat li jintlaħaq ftehim li ma jkunx ta’ detriment għall-konsumaturi, l-Għaqda ħeġġet lill-Gvern biex jara li l-Awtoritajiet responsabbli li barra li jibdew jagħtu kas aktar l-interessi tal-konsumaturi, jaraw li kull ftehim milħuq jiġi implimentat.