L-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina ta’ Malta, l-MMSA, fi stqarrija tenniet il-pożizzjoni tagħha favur it-tilqima u ddiżassoċjat ruħha mill-opinjoni personali ta’ dawk l-istudenti li esprimew il-ħsibijiet tagħhom kontra l-vaċċin tal-COVID-19.
Spjegat kif il-maġġoranza assoluta ta’ aktar minn 700 membru tal-MMSA jirrikonoxxu l-evidenza xjentifika ċara li turi li t-tilqima kontra l-Covid-19 hija waħda effettiva u sigura, u li hi għodda importanti sabiex tiġi miġġielda l-pandemija tal-Covid-19.
L-MMSA qalet kif fil-fatt, numru kbir ta’ studenti tal-mediċina kienu ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra l-pandemija, billi għenu fl-għoti tat-tilqima lill-pubbliku. Barra minn hekk, spjegat kif l-istudenti tal-mediċina huma kważi kollha mlaqqma kontra l-Covid-19. Għaldaqstant, l-MMSA qalet kif tappoġġja bis-sħih il-pożizzjoni li ħadet il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija u ħeġġet lill-membri tal-pubbliku sabiex jitlaqqmu.