Ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard laqqa’ fil-Ministeru lill-għaqda studenteska ELSA Malta biex ittella’ għall-ewwel darba Union Debate.
Il-Ministru Jonathan Attard sostna li “kien ta’ pjaċir għalina li nappoġġjaw l-inizjattiva ta’ grupp ta’ studenti Maltin li b’impenn ifformulaw għall-ewwel darba dan id-dibattitu li kien l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu. Dan huwa dak li nfissru meta ngħidu li bħala gvern aħna nemmnu fl-ideat taż-żgħażagħ. L-aspirazzjonijiet tagħhom jimlewna bil-kuraġġ biex inkomplu noffru iżjed opportunitajiet.”
Waqt dan l-Union Debate, li huwa kunċett ispirat mill-Università ta’ Oxford, grupp ta’ studenti fil-kors tal-liġi flimkien ma’ professjonisti legali pparteċipaw f’dibattitu fuq is-sistema elettorali ta’ Malta. F’dan id-dibattitu ġew ikkontestati ideat varji dwar jekk is-sistema elettorali Maltija hijiex waħda ġusta rappreżentattiva u proporzjonata.
Il-Ministru Attard innota dwar il-ħtieġa li bħala nazzjon inkunu miftuħin għall-espressjoni t’ideat ġodda, b’mod speċjali ta’ kif it-teknoloġija tista’ tgħinna fi proċessi elettorali fejn tista’ ttejjeb ferm l-effiċjenza.
Dan id-dibattitu ġie presedut mill-Avukat Dr Stefano Filletti, President Onorarju tal-istess għaqda u lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Fi tmiem id-dibattitu, il-Ministru Jonathan Attard ippreżenta trofew kommemorattiv lil kull membru tal-Bord tal-Ispeakers.
Għal dan id-dibattitu kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina u d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Dr Ivan Mifsud.