L-għaqda Repubblika, imexxiha mill-establishment Nazzjonalista, kompliet għaddejja bl-attakki tagħha kontra l-Prim Ministru Robert Abela.
F’attività fil-Belt, il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, ħu d-Deputat Karol Aquilina, qal li l-pajjiż irid jeħles mill-Prim Ministru Robert Abela.
Indika li hawn xi bżonn ta’ instabilità fil-pajjiż, fi żmien li l-Gvern Laburista qed ikompli joħloq l-aqwa stabilità fl-Unjoni Ewropea kollha, inkluż b’miżuri kontra l-inflazzjoni u l-kriżi tal-enerġija.
Fl-istess attività ta’ Repubblika u bl-istess ton arroganti, il-Viċi President ta’ din il-fergħa tal-establishment Nazzjonalista, Alessandra Dee Crespo indirizzat hekk lill-Prim Ministru… “Prim Ministru, ippermettili ngħidlek din. Għedtilek ukoll bħal-lum sena, għad tasal tiegħek ukoll.”
L-istess attività tal-għaqda tal-establishment Nazzjonalista indirazzaha wkoll Manuel Delia, l-eks Chief of Staff tal-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt.
Ma’ dawn fuq il-midja soċjali ngħaqad anke Godfrey Leone Ganado, li hu esponent tal-Blue Heroes u tal-istess establishment Nazzjonalista.
F’kumment fuq kitba tal-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa, Leone Ganado indirizza lill-Prim Ministru Robert Abela biex imur jieħu kafè qabel jitfgħuh f’ċella l-ħabs. Hu sejjaħ ukoll lill-Prim Ministru u lill-Partit Laburista bħala “tradituri”.