Ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, Robert Aquilina ressaq denunzja quddiem il-pulizija fil-konfront tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar għaliex fi żjara lill-anzjani hija ħaditilhom ftit larinġ.
Robert Aquilina, li huwa l-President tal-għaqda Repubblika issa qed jgħid li l-anzjani qed jinxtraw bil-larinġ.
Fl-ittra mibgħuta minnu lill-Kummissarju tal-pulizija Angelo Gafà, Aquilina li kien imqabbad ma’ djul ħuh meta tressaq il-Qorti mixli b’sewqan perikoluż u li m’obdiex ordnijiet tal-pulizija, issa qed jitlob lill-pulizija tieħu passi kontra Rosianne Cutajar għaliex skontu kissret il-liġi bil-boroż bil-larinġ li qassmet.
Mal-ittra huwa hemeż ukoll ritratti ta’ anzjani residenti f’’Dar Pinto f’Ħal Qormi, li jidhru kuntenti jiltaqgħu flimkien wara ż-żmien iebes li għaddew minnu minħabba l-pandemija. Iżda għal Aquilina u l-għaqda Repubblika l-anzjani qed jiġu influwenzati bi tliet larinġiet.
B’post fuq facebook id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar stqarret kif dan m’huwa xejn għajr insult lejn l-intelliġenża tal-poplu.
Hija spjegat kif għal kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-għaqda Repubblika, dik li appoġġjat lil Bernard Grech biex sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, dan kien biss ġest li kien apprezzat mir-residenti, iżda li issa qed jintuża f’kampanja sistematika ta’ assasinju tal-karattru. Qalet madankollu li dan l-aġir mhux ser jintimidaha f’ħidmietha.