L-għaqda Repubblika talbet inkjesta oħra fuq il-Prim Ministru Robert Abela, din id-darba dwar l-imxija.
Wara li fil-jum tal-Ħamis, Arnold Cassola talab inkjesta Maġisterjali, issa l-għaqda Repubblika talbet inkjesta pubblika.
Madwar id-dinja reġgħu żdiedu l-każijiet tal-COVID-19, li tefgħet piżijiet kbar fuq kull pajjiż fosthom fuq l-ekonomija iżda fi stqarrija l-Ġimgħa filgħaxija, l-għaqda Repubblika talbet għall-inkjesta, ġimgħa wara li l-Gvern immexxi minn Robert Abela wasal fi qbil fuq ħafna punti mal-imsieħba soċjali b’rabta mal-miżuri ta’ prekawzjoni dwar l-imxija.
Fil-fatt kien hemm kunsens fuq il-miżuri li ġew proposti mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Dan apparti li fattwalment huma ftit in-nies li jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei minħabba l-COVID-19 u l-ftit persuni infettati oħra li jinsabu fi sptarijiet oħra, jinsabu rikoverati hemm biex jiġu iżolati min-nies vulnerabbli li jgħixu magħhom.
Dan apparti wkoll r-rata għolja ta’ ttestjar għall-virus fejn ir-rata ta’ pajjiżna tlaħħaq tliet darbiet iżjed mill-medja Ewropea u tnejn u għoxrin darba iżjed minn dak rakkomandant mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Fl-aħħar laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku Soċjali l-MCESD, il-Gvern ħabbar ukoll il-ftuħ ta’ żewġ ċentri oħra għall-ittestjar tal-virus, wieħed f’Ħal Qormi u ieħor f’Burmarrad.
L-għaqda Repubblika hija magħrufa li titlob inkjesti fuq il-Prim Ministru Robert Abela u fl-aħħar inkjesta li talbet sar magħruf li l-allegazzjonijiet tressqu mingħajr bażi ta’ provi.
L-għaqda Repubblika kienet riedet titfa’ l-ħabs lill-Prim Ministru, lill-Brigadier tal-Armata u lis-suldati tal-patrol boat P52.
F’April illi għadda, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, l-avukat Pawlu Borg Olivier kienu iffirmaw denunzji għall-għaqda Repubblika, u akkużaw lill-Prim Ministru u lill-armata bi qtil tal-immigranti.
Akkuża li kienet iġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs.
L-inkjesta Maġisterjali kienet ikkonkludiet li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari.
Dan filwaqt li s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 ma wettqu ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti.
L-Inkjesta Maġisterjali li saret wara l-allegazzjonijiet fost oħrajn, ta’ Jason Azzopardi, ġabet fix-xejn l-allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju ta’ immigranti.
L-inkjesta kienet ġiet ippubblikata fl-intier tagħha.