L-għaqda Repubblika ħarġet titlob għar-riżenja tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, jiem biss wara li l-istess għaqda kellha laqgħa mal-Kap Bernard Grech fejn fiha ġiet diskussa l-istrateġija politika.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalulna li din l-aħħar mossa ta’ Repubblika kienet ikkordinata bejn l-istrateġista tal-Kap Bernard Grech, Christian Peregin, l-establishment tal-Partit Nazzjonalista u r-Repubblika nnifisha.
Fil-fatt Peregin deher fil-laqgħa bejn Repubblika u Bernard Grech u kien is-sit li kien imexxi hu sa ftit tal-ġimgħat ilu, li rrapporta li Adrian Delia kien f’kuntatt dirett mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, waqt dibattitu parlamentari dwar il-kumpanija 17 Black.
Fil-fatt, il-Lovin Malta tgħid kif s-sorsi tagħha qalulha li Fenech ftaħar b’dan il-fatt ma’ negozjanta.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, Adrian Delia ċaħad b’mod kategoriku din l-allegazzjoni u talab li din tiġi rtirata minnufih.
L-għaqda Repubblika u nies bħal Manuel Delia kienu minn ta’ quddiem li sena ilu ħadmu biex Adrian Delia jiġi sfiduċjat u ma jibqax Kap.
Strumentali magħhom kien hemm deputati Nazzjonalista viċin l-għaqda Repubblika magħrufin bħala tal-Blue Heroes, fosthom Jason Azzopardi, Karol Aquilina u David Thake, li imbagħad imbuttaw biex Kap jitpoġġa Bernard Grech.
Is-sorsi qalulna li wara bosta intriċċi fil-partit, fosthom block votes kontra l-kandidati tal-fazzjoni Adrian Delia, fosthom sa riċentament f’elezzjoni reġjonali kontra Samuel Azzopardi f’Għawdex, il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil issa qed timbotta biex Delia jitqaċċat darba għal dejjem mill-partit.
Fuq quddiem wara dan kollu hemm Beppe Fenech Adami, li għadu urtat li Delia baqa’ jisfida biex ikun kandidat fuq it-tmien distrett li jinkludi Birkirkara.