L-għaqda Repubblika qed tkompli bil-kampanja tagħha kontra pajjiżna, anki f’istituzzjonijiet Ewropej.
L-ewwel permezz ta’ protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra r-riforma fl-inkjesti.
Imbagħad f’video, l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia ħabbar li għamel preżentazzjoni lill-uffiċjali tal-Kunsill tal-Ewropa kontra din ir-riforma, kif ukoll kellu laqgħat ma’ uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk, Delia sostna li r-riforma tista’ twassal biex jinkisru drittijiet fundamentali.
Dan huwa diskors simili mmens għal dak tad-deputat Karol Aquilina li qed isostni li l-Gvern irid joqtol lil xi hadd b’din ir-riforma.
Delia sostna li Dr Abela qed jitkellem b’mod vjolenti kontra l-għaqda Repubblika, filwaqt li sejjaħlu infantili.
Sostna li l-Gvern għandu obbligu li jpoġġi mal-għaqda Repubblika u jitkellem magħha. Huwa qal li qed jitkellmu mal-istituzzjonijiet Ewropej, ħalli la ma jismax mill-għaqda Repubblika, jisma minn ħaddieħor.
Tkellem ukoll Jason Azzopardi li minkejja li t-talbiet għal inkjesti li għamel fi żmien il-festi ġew miċħuda mill-qrati, kompla jsostni li hemm bżonn titwaqqaf ir-riforma. Huwa qal li bil-protest ġudizzjarju hu qed jagħti karta s-safra lill-Gvern Laburista.
Sostna li dan hu attentat biex Dr Abela jwaqqfu milli jiftaħ inkjesta fuqu. Ta’ min ifakkar li l-eks deputat Nazzjonalista hu stess ammetta kemm-il darba li gideb meta ressaq akkużi fuq uffiċjali għolja, pereżempju s-Segretarju tal-Kabinett, Ryan Spagnol.
Ingħaqad magħhom ukoll l-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil.
Sostna li r-riforma tal-inkjesti tmur kontra r-regoli ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Qal li l-Prim Ministru huwa sfaċċat f’dan l-attentat biex inaqqas id-demokrazija f’pajjiżna u s-saltna tad-dritt.