L-Għaqda Regatta Nazzjonali wieġbet lill-klabb tal-Qdif ta’ Siġġiewi wara l-kontroversja li nqalgħet f’dawn l-aħħar ġranet rigward il-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fir-Regatta tal-Vitorja nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru.
Il-klabb ta’ Siġġiewi permezz tal-president tagħhom il-Profs Joseph Grima allegaw li huma ġew sfurzati mill-Għaqda Regatta Nazzjoanli sabiex jieħdu sehem f’Kategorija A u mhux Kategorija B. Il-profs Grima qal li minkejja li xtaqu jikkompetu f’Kategorija B, fejn kellhom aktar ċans li joffru sfida, huma ma tħallewx minħabba li l-Port ma jesax ammont kbir ta’ dgħajjes f’daqqa. Għalhekk l-unika triq kienet li jikkompetu f’Kategorija A.
Biss l-Għaqda Regatta Nazzjonali, permezz tal-viċi president tagħha Franco Scicluna qalet li l-fatti ma humiex eżatt kif qed jispjegahom il-Profs Grima. Is-sur Scicluna qal li l-klabb ta’ Siġġiewi għażel li nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru, dak-in nhar tar-regatta tal-Vitorja, imur jikkompeti f’tiġrija tal-Coastal Rowing barra l-pajjiż u miegħu se jieħu l-aqwa qaddiefa tal-klabb. Filwaqt li l-Għaqda ma ssib xejn ħażin li klabb jikkompeti barra minn xtutna, biss ma tħossx li huwa rispett lejn ir-Regatta lokali li wieħed jagħżel kompetizzjoni barranija minn dik ewlenija tat-8 ta’ Settembru.
Filwaqt li l-Għaqda Regatta Nazzjoanli terġa’ ttenni kull appoġġ lejn il-Coastal Rowing internazzjonali, tħoss li klabb ma jistax jabbanduna t-tigrijiet tradizzjonali tar-Regatta lokali. Ir-regatta tal-Vitorja hija l-qofol ta’ dan l-isport malti u huwa nuqqas ta’ rispett li int tagħżel li tmur barra bl-aqwa elementi tieghek filwaqt li ma tagħtiex prijorita’ lir-Regatta maltija.
Franco Scicluna qal li l-klabb ta’ Siġġiewi l-ewwel iddeċieda li jagħzel li jmur jikkompeti barra fit-8 ta’ Settembru, imbgħad sellef xi qaddiefa lill-klabbs oħra imbgħad wara rama’ ftit dgħajjes sempliċiment sabiex jieħu sehem.
Is-sur Scicluan żied jgħid li l-kobor tal-port hu u li hu u f’sitwazzjoni fejn int trid tagħżel liema klabbs jipparteċipaw f’kategorija B ma tistax tinsa lil dawk il-klabbs li s-sena kollha jaħdmu u jistinkaw għall-ġid tar-regatta tradizzjonali maltija. L-għażla waqgħet fuq dawk il-klabbs li s-sena kollha jaħdmu u jistinkaw sabiex jisfidaw serjament għar-rebħ.
Xoghol l-Għaqda Regatta Nazzjoanli hu li tissavalgwardja kull tip ta’ qdif u mhux il-Coastal Rowing biss. Għalhekk l-Għaqda Regatta Nazzjonali ma setgħetx li sabiex taġevola l-klabb ta’ Siġġiewi ninsultaw ir-Regatta tradizzjoanli maltija.