Kienet ilha tberren f’moħħ il-kumitat tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp li flimkien mas-surmast direttur ta’ din il-banda ewlenija f’Ħal Għaxaq jiġi esegwit oratorju fuq il-ħajja tal-qaddis Patrun.
Il-ħidma għal dan l-oratorju bdiet daqs sentejn ilu, meta membri mill-kumitat ħabrieki tal-istess soċjetà flimkien mas-Surmast Reno Busuttil avviċċinaw lill-Maestro Ray Sciberras sabiex jikkomponi l-mużika għal din l-idea. Wara qbil mal-istess surmast Sciberras, il-lirika ġiet afdata f’ idejn il-kittieb Sebastian Saliba.
Wara ħafna preparamenti li tirrikjedi biċċa xogħol bħal din, ġie deċiż li dan l- oratorju jiġi mtella’ fi tmiem is-sena Ġużeppina hekk kif iddikjarat mill-Papa Franġisku fit-8 ta’ Diċembru 2020. L-Għaqda Ġużeppina f’Ħal Għaxaq riedet tiċċelebra din is-sena bl-aħjar mod possibli minkejja l-pandemija u dak kollu li ġabet magħha. F’ Jannar ta’ din is-sena l- Banda San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq esegwit akkademja Mużikali fil-Katidral tal-gżira Għawdxija fl-okkażjoni tat-tlestija mir-restawr tal-istatwa devota ta’ San Ġużepp.
Kien għalhekk li fl-għeluq tas-sena Ġużeppina jiġi esegwit dan l-Oratorju oriġinali bl-isem ta’ “Ġużeppi, Kieku taf!”. Il- kumitat iddeċieda li dan l-oratorju jittella’ fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina, sabiex b’hekk il-banda tagħna tkun daqqet fiż-żewġ Katidrali tal-gżejjer Maltin fis-sena speċjali għalina l-Ġużeppini.
Kien propju nhar is-Sibt 4 ta’ Diċembru meta ġie mtella’ dan l-oratorju mill-Banda San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq taħt id-direzzjoni tas-surmast Maestro Reno Busuttil. Flimkien mal-banda ħadu sehem ukoll it-Tenur Charles Vincenti, is-Soprano Rosabelle Bianchi, u Treble Solo Gianluca Zammit. Ma’ dawn ingħaqdu wkoll il-kor Harmonic Ensemble Children’s Choir immexxi minn Maestro Joseph Circop u s-Sinjura Ritienne Azzopardi u l-kor Mirabitur Choir immexxi minn Maestro Mario Attard. Dan l-oratorju ttella’ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti taħt il-programm Investment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali.
Issa li din is-sena ddedikata lil San Ġużepp se tiġi fi tmiemha, illum, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp se tkompli bil-programm imħejji tagħha, fejn għal darb’ oħra l-Banda San Ġużepp, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Għaxqi Maestro Reno Busuttil se tkompli bl-impenji tagħha u tesegwixxi akkademja Mużikali ‘Fuq il-Passi ta’ Ġużeppi’ fil-Knisja ta’ Ħal Għaxaq fit-8 ta’ filgħaxija.
Għal din l-okkażjoni speċjali, għar-raba’ darba f’dis-sena, il-vara devota u artistika ta’ San Ġużepp se tkun esposta għall-qima fil-knisja tal-Għaxqin kollha mit-Tlieta 7 ta’ Diċembru sa nhar il-Ħamis 9 ta’ Diċembru.