Attività msejħa ‘Festa ta’ Diversità u Inklużjoni’ nhar il-Ġimgħa li ġej filgħaxija fi Pjazza Kappillan Muscat, il-Ħamrun, se sservi ta’ vetrina tal-kultura Maltija, amalgamata ma’ dik minn diversi pajjiżi oħrajn.
F’konferenza, fl-okkażjoni tal-45 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun ħabbret li qed torganizza tali attività biex tiċċelebra d-diversità u l-inklużjoni bħala żewġ pilastri ta’ dak li jixprunaha bħala banda.
Minbarra s-sehem tal-komunitajiet, din l-attività, li se tkun iffinanzjata mill-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, se tinkludi talenti lokali u barranin, flimkien ma’ għadd ta’ bankarelli bl-ikel minn kulturi differenti, kostumi tradizzjonali, xogħol ta’ artiġġjanat u mużika live.
L-Assistent Segretarju tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, Raphael Scerri, tenna ma’ ONE News, li l-banda setgħet iċċelebrat dan l-anniversarju b’marċ kbir u brijjuż, imma riedet tmur pass ieħor lil hinn minn hekk.
“Festa kbira ta’ diversità u inklużjoni. Xtaqna niċċelebraw dan l-anniversarju flimkien ma’ kulħadd, għalhekk hi banda ta’ kulħadd, festa ta’ inklużjoni u ta’ integrazzjoni, ta’ kulturi, bi stands, ikel, diversi attivitajiet mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem fi Pjazza Kappillan Muscat.”