F’għeluq il-45 sena mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun se tieħu sehem b’mod attiv f’pellegrinaġġ f’Lourdes 170 sena mindu l-Papa Piju X fl-1854 kien iddikjara d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Ir-rakkonti jisħqu li, erba’ snin wara, il-Madonna stess ikkonfermat li hi l-Immakulata Kuncizzjoni fid-dehra tagħha fil-grotta ta’ Lourdes.
Il-banda tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni se jkollha l-opportunità li ddoqq darbtejn fil-quddiesa, li se tittella’ b’mod internazzjonali.
Se jsir ukoll programm mużikali fil-Knisja ta’ San Ġużepp f’Lourdes.
Il-banda se tieħu sehem fl-Aux Flambeaux, fejn membri tal-għaqda se jipparteċipaw b’mod sħiħ u saħansitra jerfgħu l-istatwa tal-Madonna.
Waqt din il-mawra bejn is-27 t’April u l-1 ta’ Mejju se jsiru żjarat f’postijiet marbutin mat-trobbija ta’ Santa Bernadette Soubirous.
Tkellimna dwar dan l-anniversarju ma’ Raphael Scerri, Assistent Segretarju fi ħdan din is-soċjetà mużikali, li spjega aktar dwar din iż-żjara.
“Bħala parti mill-45 sena mit-twaqqif tal-għaqda, ġejna mistednin mill-Kappillan tal-Lourdes. Lourdes hu marbut mal-Kunċizzjoni, għax hi fejn il-Madonna kkonfermat li hi l-Immakulata Kunċizzjoni. Għalina hu post speċjali u ġejna kkonfermati biex hemmhekk nitilgħu bil-banda. Din hi l-ewwel banda f’Malta li sejra ddoqq f’Lourdes.”