L-għaqda Koperattivi Malta innutat il-ħidma li saret fil-Pitkalija biex il-bidwi seta’ jbiegħ il-prodott tiegħu.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li kien hemm reżiljenza fost dawk involuti fil-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa.
It-Tnejn filgħodu fil-Pitkalija, l-affarijiet imxew b’mod normali, bil-bdiewa biegħu l-prodotti tagħhom.
Dan wara kwistjoni li l-ġimgħa li għaddiet qamet bejn l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala u l-Koperattiva tal-Bdiewa.
Fil-fatt l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala riedet twaqqaf lil dawk li mhumiex membri tagħha milli jbigħu prodotti agrikoli miċ-Ċentru tal-Pitkalija.
Il-Gvern dejjem saħaq li l-Assoċjazzjoni tal-Pitkala qed tieħu dawn l-azzjonjiet fid-dawl tat-talba tagħha biex tneħħi l-garanzija bankarja imposta fuq kull tiġdid ta’ liċenzja.
Din kienet iddaħħlet fl-2014 bħala mezz ta’ sigurtà sabiex kull ħlas dovut mill-pitkala lill-bdiewa jkun onorat.
It-Tnejn l-Għaqda tal-Bdiewa Attivi kkonfermat li l-bdiewa biegħu kollox bi prezzijiet raġonevoli.
L-Għaqda kienet irringrazzjat lil Gvern tal-kordinament u anki lix-xerrejja li kkonkorrew biex jixtru l-prodott tal-bidwi.