Ir-rebbieħa tal-64 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali flimkien mal-uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu mistiedna fil-Palazz ta’ San Anton għal żjara ta’ korteżija għand l-E.T. il-President ta’ Malta George Vella.
II-President ta’ Malta radd ħajr lir-rebbieħa kollha għall-impenn kontinwu tagħhom fl-isport. Huwa rrimarka li s-sena 2023 kienet waħda eċċezzjonali għall-isport f’pajjiżna fejn Malta spiċċat fil-quċċata tal-klassifika tal-midalji tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’pajjiżna stess.
Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef irringrazzja lill-E.T. il-President ta’ Malta, talli sab il-ħin li jiltaqa’ ma’ dawn ir-rebbieħa u irringrazzjah ukoll għall-ħidma kollha tiegħu matul il-Presidenza li qed toqrob lejn it-tmiem tagħha. Micallef qal li l-Għaqda Ġurnalisti Sports tapprezza wkoll id-disponibiltà tal-E.T. il-President ta’ Malta kif ukoll l-ADC u l-istaff tiegħu kollu fl-għajnuna tal-organizzazzjoni tal-attività annwali tat-Tournament ta’ Boxing Day li fih issir donazzjoni b’risq il-Malta Community Chest Fund.
F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.