L-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports jibgħat il-kondoljanzi lill-familja Zammit Cutajar hekk kif dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Paul Zammit Cutajar, fotografu professjonali li għal diversi snin ħadem fis-settur tal-isport lokali u anke internazzjonali.
Zammit Cutajar ġej minn familja sportiva, fejn missieru Francis Xavier Żammit li kien atleta, f’Wembley Stadium kien ġarr il-bandiera ta’ Malta fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Londra fl-1948, quddiem l-uniku atleta Nesto Jacono.
Paul Żammit Cutajar għamel diversi snin membru tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u ta kontribut vast lill-isport lokali bil-fotografija avantgarde tiegħu.
Paul Zammit Cutajar fl-2014 kien ingħata l-unur tat-Trofew Sport u Arti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Għal bosta snin fotografu uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti. Beda bħala fotografu tal-isport fl-2007 bil-partita Malta – Turkija f’Ta’ Qali. Minn hemm fl-2010 kien preżenti fil-Youth Olympic Games f’Singapore, l-Olimpijadi ta’ Londra fl-2012, kif wkoll il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fil-Lussemburgu fl-2013 u fl-2014 fil-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow.
Bejn l-2009 u 2014 kien fotografu uffiċjali fil-Kampjonati tal-Għawm FINA u fit-Tazza tad-Dinja tar-Rugby fl-2011.
Fl-2013 u 2015 rebaħ il-Kategorija għal fotografija tal-isport fil-Malta Journalism Awards.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports tingħaqad mal-komunità sportiva u mill-ġdid tibgħat il-kondoljanzi lill-familja kollha.