L-isbaħ ħaġa tal-Partit Laburista hija l-għaqda li teżisti wara l-Prim Ministru u l-Mejjex tal-Partit Laburista Joseph Muscat. Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan matul attività organizzata l-Ġimgħa filgħaxija.
B’referenza għall-elezzjonjiet tal-Parlament Ewropew fl-2019, Dr Dalli qalet li sitt xhur biss il-bogħod mill-ġurnata tal-elezzjoni jidher ċar li din se tkun kampanja ta’ tim b’saħħtu u maqgħud.
“Il-Prim Ministru Joseph Muscat jaf li meta jdur se jsibna kollha warajh, għax kollha għandna fiduċja fih u fil-viżjoni tiegħu,” saħqet Dr Dalli.
Miriam Dalli qalet li fis-snin li għaddew il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista wrew bil-fatti li l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin jiġu qabel kull interess ieħor.
“Urejna li aħna rridu naħdmu biex ngħollu isem pajjiżna ‘l fuq u li l-interess tal-familji, tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ u tal-pensjonanti huwa l-interess tagħna”, żiedet tgħid Dalli.
Miriam Dalli sostniet li l-għan tal-Partit Laburista hu li jaċċerta ruħu li l-vuċijiet tal-poplu Malti u Għawdxi jinstemghu mhux biss f’pajjiżna imma ankè fl-Unjoni Ewropea.
“Aħna naħdmu għall-interess nazzjonali u mhux għal partiġjaniżżmu li ma jagħmel xejn għajr ħsara lill-pajjiż,” ikkonkludiet Miriam Dalli.