L-għana folkloristika Maltija tpoġġa fuq il-lista tal-Wirt Kulturali tal-Umanità.
Dan wara vot unanimu favur l-għana Maltija fis-sittax-il laqgħa tal-Kumitat Intergovernattiv tal-UNESCO, li qiegħda ssir f’Pariġi.
Dan hu t-tieni element tal-wirt kulturali intaġibbli Malti li qed jikseb dan l-għarfien internazzjonali wara l-ftira Maltija.
F’kumment lill-Assemblea, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera stqarr li dan hu unur għall-poplu Malti u Għawdxi kollu, li għaqda internazzjonali bħalma hi l-UNESCO tkompli tirrikonoxxi l-wirt kulturali kbir li għandu pajjiżna, kif ukoll unur kbir għall-għannejja kollha, għall-kitarristi u dawk kollha li jħobbu l-għana, li jżommu ħaj dan il-wirt kulturali.
Il-Ministru Herrera saħaq li dan il-privileġġ qed ikompli jpoġġi aktar responsabbiltà sabiex nassiguraw li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu jitgawdew għall-ġenerazzjonijiet futuri.