Tinstema’ ironika li partit politiku, fil-bażi ta’ Moviment li jinsab fit-tieni leġislatura tiegħu, jitkellem dwar il-bidla. Li jippromwovi l-bidla. Is-soltu, Gvern jitkellem sempliċiment dwar kontinwità u jbeżża’ li jekk l-affarijiet ma jibqgħux isiru l-istess, kollox jieqaf. Minflok, qegħdin hawn biex ngħidu lill-familji u negozji, li wettaqna kemm wettaqna bidliet, l-għan ewlieni tagħna huwa li nkomplu nwettqu l-bidla.
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-aħħar sessjoni tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista bit-tema, ‘Malta ta’ Għada’.
Jekk hemm imqar ċans wieħed li jkollna familja oħra f’pajjiżna, jien se nkun hemm biex inwettaq il-bidla li permezz tagħha nara li ssir.
Dr Muscat tkellem dwar realtà ta’ familji fis-soċjetà tagħna, koppji żgħażagħ, li jagħmlu ftit snin għarrajjes, jagħmlu sagrifiċċji biex jixtru darhom, jiżżewwġu u meta jibdew jaħsbu biex ikollhom l-ulied jindunaw li xi ħadd minnhom għandu problema biex ikollu t-tfal. Iċ-ċansijiet tagħhom hawn Malta li jirnexxi trattament tal-IVF huwa wieħed minimu minħabba t-teknoloġiji eżistenti, ikollhom isiefru bilfors barra, iżda dan huwa piż li ma jifilħux għalih. Jien qiegħed hemm għal dawn in-nies. Jien irrid bidla għal dawn in-nies. Aħna l-leħen ta’ dawn l-eluf ta’ familji, sostna l-Mexxej Laburista.
Ma nistax naqbel ma’ min jgħid lix-xewqa li int ikollok it-tfal hija egoiżmu, jew min m’ għandux tfal għandu jieħu paċenzja għax sinjal li ma ħaqqux li jkollu. Jekk hemm imqar ċans wieħed li jkollna familja oħra f’pajjiżna, jien se nkun hemm biex inwettaq il-bidla li permezz tagħha nara li ssir, tenna Joseph Muscat filwaqt li saħaq li l-Manifest Elettoral tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, kien ċar kristall: jitkellem dwar l-immodernizzar tal-liġi dwar l-IVF. Min jipprova jagħti x’ jifhem mod ieħor sinjal li mhux jifhem x’inhi r-realtà, qal il-Prim Ministru.
Dr Muscat saħaq li l-unika dispjaċir li għandu hija li f’din il-liġi mressqa, qed isir biss pass ‘il quddiem għax mhux qed nagħtu l-aċċess sħiħ lil eluf ta’ nisa u rġiel Maltin u Għawdxin, għat-teknoloġija medika kollha li teżisti. Iżda dan huwa dak li ftehmna fuqu, u jien l-ewwel wieħed se nsostni dan il-ftehim, saħaq il-Mexxej tal-Partit Laburista.
Dwar l-iffriżar tal-embrijuni, il-Prim Ministru tenna li min qed jgħid li konna ċari fil-Manifesti dwar l-iffriżar, ma jafx x’inhu jgħid, għaliex l-iffriżar tal-embrijuni diġa’ jinsab fil-liġi ta’ bħalissa li daħlet fl-2012. Jgħidulek li hi eċċezzjoni. Għalija fuq prinċipji m’hemmx eċċezzjoni. Il-prinċipju qiegħed hemm u kont ġbidt jien stess l-attenzjoni tal-Parlament dakinhar li konna qed niddiskutu din il-liġi, fejn għidt li dan huwa prinċipju li qed jidħol, u ħadd wara ma jiġi jgħid li ma kienx jaf. Anzi, stqarrejt li din il-liġi li għandna hija kompromess u li se nagħmlu dak kollu possibbli biex mal-ewwel okkażjoni intejjbuha. Hekk qed nagħmlu.
Il-Mexxej Laburista rrimarka li biex sar ma kienx hemm għaġla l-ewwelnett għax il-liġi tal-2012 ġiet wara snin sħaħ ta’ stennija filwaqt li matul il-leġi0slatura li għaddiet kien hemm sensiela sħiħa ta’ diskussjonijiet fil-Parlament fejn kull min ried seta’ jsemma leħnu. Leġislatura sħiħa nagħrblu u nisimgħu. Huwa biss wara dan li ppreżentajna dawn il-proposti, li issa wara li jispiċċa d-dibattitu fit-Tieni Qari, ċert li se jkollna diskussjoni fit-tul fil-Kumitat. U qabel il-Kumitat, kif diġa’ qal id-Deputat Prim Ministru wara laqgħa mal-President tar-Repubblika, se jerġa’ jkollna round ieħor ta’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha involti. Sadattant, se jkollna konsultazzjoni sħiħa dwar il-kunċett tas-surrogacy, fejn se nisimgħu u nieħdu proposti qabel ma niddeċiedu. Nifhem li dan huwa kunċett mill-aktar delikat, fejn jien l-ewwel wieħed irrid inkun ċert b’ dak li qed isir u li l-mara ma tkunx strumentalizzata. Għalhekk se nisimgħu u nieħdu l-pariri kollha, bl-għan ikun li nieħdu ħsieb każijiet ġenwini u altruwistiċi. Bl-istess mod, nemmen li hemm punti validi li qed jitqajjmu dwar l-anonimità fl-addozzjoni li għandna nikkunsidrawhom, spjega Dr Muscat.
Kif għamilna dejjem mhux se niddejjqu inbiddlu fejn hemm bżonn. Iżda nistgħu nbiddlu fuq kwistjonijiet mediċi u ta’ proċedura. Nistgħu nbiddlu u nsaħħu wkoll fejn għandhom bżonn is-salvagwardji li jrid ikollna f’ din il-liġi, biex fost l-oħrajn nserrħu moħħ kulħadd li l-ebda embrijun mhu se jintrema, qal il-Prim Ministru.
Il-Mexxej Laburista tenna li la l-Gvern, la l-Partit Laburista u lanqas dan il-Moviment ma huwa qed ifittex xi ġlieda politiko reliġuża oħra. Pajjiżna bata bizzejjed minn dawn it-tip ta’ taqbidiet. Il-familji tagħna batew bizzejjed. Ma jfissirx li se noqgħodu kwieti u mhux se ngħidu dak li nemmnu. Lanqas m’aħna se nistennew li l-Knisja ma tgħidx dak li temmen. Dak huwa dmirha. Iżda anki f’ din id-differenza ta’ ideat irid ikun hemm djalogu, fejn fuq naħa aħna rridu nirrispettaw, anki jekk nistgħu ma naqblux, it-tagħlim tal-Knisja, filwaqt li nittama li l-Knisja tifhem lir-rwol tal-Istat mhux wieħed konfessjonali, iżda wieħed li jirrapreżenta u jgħin lis-setturi kollha tas-soċjetà jilħqu l-għanijiet tagħhom, u jagħtihom aċċess għall-aqwa terapiji u kura tas-saħħa possibbli, mingħajr barrieri ideoloġiċi, qal il-Prim Ministru.
Joseph Muscat sostna li permezz ta’ din il-liġi rridu ndaħħlu wkoll il-prinċipju tal-Ugwaljanza. Il-liġi li għandna bħalissa hija diskriminatorja. Xejn anqas, u xejn aktar. Tagħmel differenza mhux biss fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, iżda tidħol fil-kwistjoni dwar x’ tip ta’ relazzjoni għandhom mara u raġel bejniethom. Trid lill-Istat jiddiskrimina bejn relazzjoni li tista’ titqies bħala stabbli, u oħra li tista’ ma tkunx, li hu kejl suġġettiv għall-aħħar.
Barra minn hekk, hija diskriminatorja kontra n-nisa, u teskludi għal kollox koppji gay. Hija liġi li tmur kontra l-prinċipju ta’ żwieġ Indaqs li vvutajna favurih. Li aħna vvutajna favurih għax nemmnu fih. Iżda mhux biss. Ngħid jien li din il-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, fejn fuq proposta tal-Oppożizzjoni, li aħna qbilna magħha, daħħalna li wieħed ma jistax jiddiskrimina fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Kif tista’ int twebbes rasek fuq liġi li tmur kontra bidla fil-Kostituzzjoni li l-Parlament approva b’ mod unanimu. Min jaghmel hekk ikun ifisser allura li jew ma jifhimx is-siwi tal-liġi suprema tal-pajjiż, jew li x’ imkien ivvota kontra dak li verament jemmen, qal Dr Muscat.
Dibattitu bħal dan huwa l-essenza għaliex jien għażilt li nidħol fil-politika. Huwa r-raġuni għaliex jien ersaqt quddiemkom 10 snin ilu. Huwa l-qofol għaliex irridu nservu lil pajjiżna. Il-ħsieb li bil-politika, bid-deċiżjonijiet mhux bil-kliem, tista’ tbiddel u ttejjeb il-ħajja tan-nisa u irġiel ta’ madwarna, ta’ tfal li għadhom iridu jitwieldu, stqarr il-Prim Ministru.