B’referenza għall-istqarrija mill-Malta Developers Association il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jagħmilha ċara mill-bidu nett li l-impenn sħiħ tiegħu huwa li l-proċeduri relatati ma’moniteraġġ arkeoloġiku f’siti ta’ kostruzzjoni jittejbu għall-benefiċċju tal-interess pubbliku.
Ingħad li b’effett ta’ emendi li kienu saru fil-leġiżlatura li għaddiet għal-liġijiet tal-ippjanar, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, l-applikazzjonijiet kollha dwar żvilupp bdew jiġu referuti għal konsultazzjoni mas-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali. L-għan kien li jiġi assigurat il-ħarsien iktar effettiv tal-patrimonju ta’ pajjiżna.
Biex wieħed jilqa’ għaż-żieda fix-xogħol tas-Sovraintendenza, matul din is-sena l-ammont ta’ impjegati tekniċi fi ħdan is-Sovraintendenza żdied, tant li fl-aħħar xhur bdew l-ingaġġ tagħhom grupp ta’ xejn inqas minn 13-il gradwat f’oqsma differenti tal-patrimonju storiku, li qed jitħarrġu fil-proċeduri relattivi. Is-sena d-dieħla se jkun hemm ingaġġi ulterjuri ta’ iktar gradwati u nies fil-kamp amministrattiv biex is-Sovraintendenza tkompli tissaħħaħ saħaq il-Ministeru.
Il-Ministeru qal li huwa nformat li s-Sovraintendent għall-Patrimonju Kulturali, is-Sur Joe Magro Conti, ingaġġa ruħu f’diversi laqgħat mal-istakeholders, inkluż il-Malta Developers Association, laqgħat li kienu pożittivi u se jitkomplew. Il-gvern jassigura lill-pubbliku li hemm impenn sħiħ għal tisħiħ ta’ din l-istituzzjoni u titjib fl-effiċjenza.