It-Tnejn f’nofshinar kompliet tinstema’ l-kawża tal-isptarijiet li fetaħ l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn saħaq li l-għan ewlieni tal-Gvern huwa li jara li l-Maltin u l-Għawdxin jieħdu servizz tajjeb ta’ saħħa.
Quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale, id-Deputat Prim Ministru qal li fil-kuntratt tal-isptarijiet kien hemm involuti anke esperti internazzjonali mediċi minn Harvard, fejn il-Ministru Fearne nnifsu kien mar f’Boston u ltaqa’ mal-mexxejja ta’ Harvard.
Il-Ministru Fearne spjega kif għaddejjin negozjati bejn il-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Finanzi kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar it-twaqqif tal-konċessjoni.
Huwa elenka li dan kollu se jsir mingħajr ma jiġi affetwat s-servizz tas-saħħa lill-poplu.
Huwa spjega li madwar sena ilu ddaħħlu l-applikazzjonijiet għand l-Awtorità tal-Ippjanar biex isiru xogħlijiet fl-Isptar San Luqa u anke dak f’Għawdex.
Dwar ir-riġenerar ta’ l-Isptar San Luqa saħaq li l-maġġoranza tax-xogħlijiet jinkludu t-twaqqigħ ta’ xi bini li mistenni jerġa’ jitla, dejjem kif hemm imniżżel fil-Masterplan li huwa pubbliku.
Dwar l-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex, id-Deputat Prim Ministru qal li din hija eċċellenti.
Fi tmiem ix-xhieda tal-Ministru għas-Saħħa, l-Imħallef Francesco Depasquale rringrazzja lid-Deputat Prim Ministru Fearne, f’isem il-Gvern, għax-xogħol siewi li qed jitwettaq fil-kontroll tal-Imxija ta’ pajjiżna.
Intant reġa’ spikka kif Adrian Delia kien waħdu f’din il-kawża, b’ħadd mill-membri tal-Oppożizzjoni ma kien preżenti.