Fl-2019 id-Direttorat għall-ilmenti tal-konsumatur fi ħdan l-Awtorità tal-Konsumatur waslulu 963 ilment mix-xerrejja Maltin u Għawdxin dwar prodott jew servizz li jkunu xtraw. Minnhom ġew solvuti 934 każ.
Id-Direttur fl-Uffiċċju għall-Ilmenti tal-Konsumatur Dr Phylis Bezzina, qalet li l-maġġornaza tal-każijiet jissolvew bi ftehim amikevoli. Ftit anqas minn terz tal-każijiet jispiċċaw quddiem it-tribunal industrijali.
Dr Bezzina spjegat: “F’madwar 40% tal-każijiet li investigajna u għalaqna rnexxielna nsolvuhom b’mod amikevoli jiġifieri lħaqna ftehim bejn il-kummerċjant u l-konsumatur, 30% oħra tal-każijiet irreferejniehom għat-tribunal tal-konsumatur.”
Dr Bezzina qalet li l-akbar għadd ta’ ilmenti kienu dwar affarijiet li jinxtraw għad-djar. Hija sostniet: “Is-sena li għaddiet investigajna ħafna każijiet relatati ma’ affarjiet tad-dar bħall-għamara, appliances tad-dar kif ukoll xogħol ta’ manutenzjoni għad dar plastering xogħol ieħor ta’ bibien twieqi…Bħala servizzi trattajna ilmenti relatati ma’ servizzi ta’ telephones mobile u internet.”
Qalet li l-Awtorità tibda tinvestiga l-ilmenti wara li ma jintlaħaqx ftehim. Dr Bezzina tenniet: “Il-konsumatur ikun ipprova jilħaq ftehim mal-kummerċjant billi jew ikellem lill-kummerċjant jew jibagħat lill-kummeċjant…wara li ma jilħaqx ftehim jiġi hawnekk iġib id-dokumentazzjoni kollha u aħna nibdew il-proċess ta’ konċiljazzjoni li jieħu 15-il ġurnata.”
Dr Bezzina żiedet tgħid li d-Direttorat investiga madwar mitejn ilment dwar dewmien jew titjiriet li ġew ikkanċellati. Hija fissret: “Is-sena li għaddiet trattajna madwar 200 ilment ta’ passiġieri fejn f’madwar 40% minnhom il-passiġieri ħadu kumpens wara li jkunu sofrew jew dewmien jew kanċellament ta’ titjira.”
Id-Direttur appellat ukoll biex qabel jinxtara prodott titqies l-għażla fi ħwienet differenti mhux biss għall-prezz iżda wkoll għall-garanzija u l-kwalità tal-prodott. Hija appellat ukoll biex il-konsumatur jżomm ir-riċevuta bħala prova tax-xiri jew għall-garanzija bil-miktub.