B’investiment ta’ miljun ewro għalqa żdingata ġewwa l-Mosta, magħrufa bħala l-Għalqa ta’ Ċikku Fenech, se tinbidel fi spazju miftuħ.
L-għalqa, li tesa’ kważi daqs grawnd tal-futbol, se tkun qed tinbidel f’pulmun għal diversi familji f’żona urbana.
Ċikku Fenech, persuna sinonima ħafna mal-Maltin, għamel il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu jgħix ġewwa din l-għalqa. Fenech, li kien magħruf bħala Ta’ Vanġiela, għamel tliet xhur maħrub, bil-pulizija jfittxuh wara li kien qatel lil Ċikku Vella lura fl-elf disa’ mija tlieta u sittin.
Il-proġett, li se jsir mill-GreenServe, li hi fergħa tal-WasteServ, jindirizza l-bżonn ta’ spazju pubbliku aħdar f’nofs żona urbana.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca qal li se issir ħidma biex iż-żona titnaddaf biex fost l-oħrajn jitgawdew speċi ta’ siġar lokali, fosthom siġar taż-żebbuġ.
Qal li l-proġett se jitlesta sar-rebbiegħa: “Dan huwa ġnien sabiħ li sfortunatament maż-żmien spiċċa fi stat żdingat ħafna. Hawn diversi siġar taż-żebbuġ li se jinżammu iżda fl-istess ħin, b’investiment ta’ miljun ewro, il-ġnien se ikun qed jingħata ħajja ġdida.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat spjega li dan il-proġett huwa parti minn investiment ta’ erba punt ħames miljun ewro li l-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF qed jagħmel f’diversi lokalitajiet, fosthom ġewwa l-Ħamrun, Ħal Qormi u Ħaż-Żabbar.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li din iż-żona kienet skedata għall-iżvilupp iżda l-Gvern iddeċieda li din l-għalqa tinbidel fi spazju miftuħ biex titgawda mill-familji kollha.
Huwa stqarr: “Din hija art f’żona ta’ żvilupp. Hawnhekk jistgħu jinbnew ħames sulari ta’ appartamenti. Però minflok ħassejna li bħala stat xorta għandna nagħtu dan l-ispazju lura lill-komunità tagħna sabiex ikun jista’ jitgawda min-nies kollha mhux biss mir-residenti Mostin imma wkoll mir-residenti kollha tal-akkwata.”