L-inkompetenza tal-Partit Nazzjonalista kull ma jmur qed tkompli toħroġ fil-beraħ mhux biss bil-politika li jwassal, iżda anke bil-prestazzjonijiet tal-membri Parlamentari tiegħu waqt id-dibattiti televiżivi.
Dan deher ċar fl-aħħar dibattitu, li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali fil-programm ‘Popolin’.
Fil-fatt, waqt li kien qed jiddibatti mas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri, li bi professjoni hu għalliem u eżaminatur, inqabad bin-noti miktubin fuq waħda mill-pali ta’ idejh.
Dan biex waqt li jkun qed jagħmel l-argumentazzjoni tiegħu, ikun jista’ jirrikorri għalihom mingħajr il-bżonn li jiftakar dettalji importanti dwar il-materja li kien se jittratta.
Kienu bosta li rrimarkaw, anke fuq il-midja soċjali, kif f’bosta drabi tul id-dibattitu, Schembri jidher jiftaħ idu x-xellugija u jħares lejn il-pala biex jaqra dak li kien hemm miktub.
Li anke waqt dibattiti importanti mhux biss irrikorra għan-noti għax ma jiftakarx il-bażiku jew saħansitra ma jafx jargumenta l-punti tiegħu bla ma jkollu għajnuna, l-azzjoni ta’ Schembri tirrifletti agħar fuqu bħala għalliem u l-agħar eżempju għall-istudenti kollha.
Dan id-dettall tul id-dibattitu kompla jitfa’ dawl fuq in-nuqqas ta’ kompetenza fil-Partit Nazzjonalista u l-kelliema tiegħu.
Mera ta’ dan kien ukoll id-dibattitu li kellu Bernard Grech mal-Prim Ministru Robert Abela ftit tax-xhur ilu u li, matulu, il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll spikka li f’siegħa u kwart m’għamel xejn ħlief iqalleb fil-karti biex jibni l-argumenti tiegħu.
Minbarra hekk, l-episodju ta’ Justin Schembri kompla jżid ma’ oħrajn riċenti li jixhdu l-inkompentenza tal-Partit Nazzjonalista biex iwassal il-politika tiegħu.
Ewlieni fosthom kien hemm il-Pre-Budget Document tal-istess Partit li ġie llikjat lill-Partit Laburista minn persuni fi ħdan id-Dar Ċentrali stess u li fih ħareġ kif il-Partit Nazzjonalist ma rnexxilux, għal darb’oħra, jagħlaq dokument tant importanti bil-pożizzjoni tiegħu qabel il-baġit.
Tant li lanqas biss ħareġ dan id-dokument għall-konsum pubbliku.
Ftit tal-jiem ilu, barra l-Parlament, kompliet toħroġ ukoll l-iskumdità tad-deputati Nazzjonalista proprju dwar dan.