F’laqgħa sabiħa ma’ kunsillieri Laburisti u kandidati Laburisti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tat-8 ta’ Ġunju li ġej, il-Prim Ministru Robert Abela wassal messaġġi ewlenin.
Primarjament kandidatura b’saħħitha li għandu l-Partit Laburista u l-ħidma għaddejja biex inkomplu nwettqu flimkien il-ġid anke fuq livell ta’ komunità.
“L-għajta ta’ Tim Malta tiggwidana wkoll fuq livell lokali”, saħaq Dr Abela.
Il-Mexxej Laburista saħaq li kull elezzjoni tibda xejn b’xejn u appella lill-kandidati u lill-kunsillieri biex ikomplu jiltaqgħu man-nies kif jagħmel hu.
Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Ministru nnota l-ħidma fit-tfassil tal-manifesti elettorali fuq livell lokali flimkien mal-kandidati u saħaq li ninsabu fl-aqwa pożizzjoni biex inkomplu nsaħħu l-lokalitajiet tagħna.
Il-Prim Ministru temm japprezza x-xogħol u l-kontribut tal-kandidati u kunsillieri fuq livell lokali.