“L-għajnuna li sibna mill-Gvern kienet importanti biex inkomplu għaddejjin.”
Dan kien il-messaġġ li għadda Jonathan Tabone, sid ta’ negozju li jispeċjalizza fit-tagħmir tal-arja kkundizzjonata residenzjali u kummerċjali, f’kummenti ma’ ONE News.
“L-għajnuna li sibna hija importanti ħafna, għax jekk ma tkunx ċerta għajnuna, ċerti miżuri li ma jittiħdux. Ma tkunx tista’ tkompli taħdem u topera l-operat tagħna.”
Qal li din l-għajnuna waqt il-pandemija u waqt il-kriżi internazzjonali bla preċedent għenitu sabiex illum huwa jħaddem ħmistax-il persuna u kabbar l-operat b’żewġt imħażen.
Huwa kien qed jitkellem waqt żjara li l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, fosthom id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Chris Fearne, u l-President, Ramona Attard, għamlu fi ħwienet f’Ħal Tarxien bi tħejjija għal Jum il-Ħaddiem.
Preżenti wkoll kien hemm id-deputati Romilda Zarb u Davina Sammut Hili, li appellaw biex in-nies jingħaqdu mal-Partit Laburista fl-ewwel ta’ Mejju, fil-Belt Valletta.
Id-deputat Romilda Zarb qalet: “Minn student ħaddiem, min-naħa tiegħu żviluppa biex mar għal ħaddiem, imbagħad wara kompla jikber biex hu, min-naħa tiegħu, sar self-employed. Apparti li sar self-employed, hu sar iħaddem ukoll l-istess ħaddiema u, apparti minn hekk, ħandu sub-contractors flimkien miegħu. Xi jfisser dan? Ifisser li se nkomplu nkunu ta’ spalla biex b’hekk inkomplu ngħinu lil dawk kollha li jridu jimirħu f’kull settur possibbli.”
Id-deputat Davina Sammut Hili qalet: “Il-Partit Laburista kien dejjem strumentali għall-ħaddiem u naħseb din hija l-ewwel okkażjoni sabiex ikunu magħna u mal-Prim Ministru fil-Belt Valletta sabiex nagħtu fiduċja f’idejn il-Prim Ministru, Robert Abela.”