Ġie żvelat il-logo uffiċjali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.
Il-logo, li se jintuża fil-logħob, li se jiġi ospitat f’pajjiżna fi żmien sena, ġie ddisinjat minn The Concept Stadium wara li numru ta’ studenti ta’ bejn l-għaxra u tmintax-il sena ppreżentaw l-ideat tagħhom f’kompetizzjoni f’Diċembru li għadda.
Il-logo magħżul juri ċ-ċrieki Olimpiċi mal-baħar, il-ħut, u s-simbolu tal-għajn – sinonimu mal-kultura Maltija – li nsibuha fuq il-Gardjola tal-Isla u saħansitra fuq il-luzzijiet fl-ibħra Maltin.
Il-kuluri magħżula jirrappreżentaw il-valuri ta’ Malta, fosthom id-diversità u l-inklużjoni, bil-kuluri mħalltin flimkien joħolqu lwien ġodda.
Meta ġie varat il-logo uffiċjali, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, stqarr li dan huwa pass ewlieni ieħor fil-ħidma li qed iwettaq il-kumitat immexxi minnu sabiex pajjiżna jospita dan il-Logħob is-sena d-dieħla.
Huwa ħabbar ukoll kif, ftit tal-jiem ilu, f’pajjiżna ġew delegazzjonijiet minn pajjiżi parteċipanti li raw il-faċilitajiet sportivi kollha li se jkunu qed jikkompetu fihom.
Pace Bonello qal, “Il-ġimgħa l-oħra ġew il-pajjiżi kollha l-oħra, fejn aħna ospitajna l-Assemblea Ġenerali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Urejniehom il-faċilitajiet kollha u ħadu gost ħafna bil-kundizzjoni u l-affarijiet li se noffrulhom is-sena d-dieħla.”
Il-Co-Chairperson tal-Kumitat Organizzativ Lokali tal-Logħob u Kap Eżekuttiv ta’ Sportmalta, Mark Cutajar, qal li Sportmalta hija impenjata li tkompli bil-ħidma tagħha flimkien mal-Kumitat Olimpiku Malti biex isir dan il-logħob.
Cutajar stqarr, “Fl-istess ħin, Sportmalta se tkompli bix-xogħol tagħha flimkien mal-Kumitat Olimpiku Malti u flimkien mal-Ministeru biex dan il-logħob ikun suċċess.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, li osserva li dan il-logo se jkun qed jirrappreżenta Logħob importanti li se jara s-sehem ta’ bosta Maltin.
Il-Ministru Grima qal, “Ħabbarna l-logo li se jkun sinonimu ma’ dawn l-avvenimenti sportivi madwar Malta u anki Għawdex; logo li se jkun qiegħed iffakkarna fl-importanza ta’ dan il-logħob illi fih se jkollna l-ambaxxaturi tagħna, li huma l-isportivi tagħna, li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Maltin kollha kemm aħna.”