L-għadd tal-voti għat-tieni fażi tal-elezzjoni għall-Kap tal-PN se jsir fuq il-Fosos. Ikkonferma dan il-Kap tal-Kummissjoni Eletorali tal-Partit Nazzjonalista Joe Borg.
Huwa qal li t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista se jkunu jistgħu jivvutaw fl-MFCC f’ Ta’ Qali, f’ tinda li se tittella’ apposta fuq il-Fosos kif ukoll f’Għawdex.
Il-voti kemm t’Għawdex kif ukoll dawk minn Ta’ Qali se jkunu qed jiġu trasportati l-Furjana, fejn se jibda l-għadd.
Borg qal li l-kandidat li jkollu l-ikbar ammont ta’ voti se jkun awtomatikament magħżul bħala Kap. Jekk għal xi raġuni wieħed mill-kandidati jirtira mit-tellieqa, l-elezzjoni xorta waħda se tkun qed issir fis-16 ta’ Settembru. F’dak il-każ il-kandidat li jibqa’ ikollu jġib żewġ terzi tal-voti sabiex ikun proklamat kap. Mingħajr dan, il-proċess ikollu jerġa jibda’ mill-bidu.