Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-għadd sħiħ ta’ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva, bħal-lukandi, kien ta’ ftit inqas minn miljun u mitejn elf. Dan wara li, fit-tieni kwart tas-sena bejn April u Ġunju, ukoll ġew irreġistrati aktar riżultati pożittivi fuq dawk ta’ bejn Jannar u Marzu li għaddew.
Ċifri, li ġew ippubblikati t-Tnejn mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, urew li total ta’ miljun, mija u disgħa u disgħin elf, ħames mija u għoxrin persuna qagħdu f’xi waħda mil-lukandi li għandna f’pajjiżna, fil-maġġoranza f’lukandi ta’ erba’ stilel, bi ftit inqas minn ħamsin fil-mija tal-għadd sħiħ.
Meta wieħed iqabbel l-għadd tal-ewwel sitt xhur mas-sena li għaddiet, li kienet ukoll waħda rekord, jara li kien hemm żieda ta’ erbatax punt tmienja fil-mija.
Anke fir-rigward ta’ ljieli, l-NSO irreġistra żieda ta’ ħmistax punt tnejn fil-mija fuq is-sena li għaddiet, li fissru aktar minn ħames miljun lejl.
Sadanittant, l-attività fil-lukandi fix-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju 2024 rat aktar minn seba’ mitt elf klijent, b’żieda fuq l-istess perjodu tal-2023 ta’ iżjed minn ħdax fil-mija f’Malta u aktar minn ħamsa fil-mija f’Għawdex.
Iċ-ċifri juru kważi sitt mija u ħamsa u sebgħin elf ta’ dawk li qagħdu fil-lukandi f’Malta u iżjed minn tletin elf f’Għawdex, b’Kemmuna nkluża.
Aktar ma jmur, il-lukandi komplew jirreġistraw iżjed bookings fuq is-sena li għaddiet, li s’issa hi rreġistrata bħala s-sena bl-akbar ammont fl-istorja turistika ta’ pajjiżna, b’iżjed minn tliet miljun barrani li ġie għal vaganza.
B’hekk l-indikazzjonijiet kollha s’issa jimmiraw li l-2024 tkun anke aħjar.