Id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali kompliet tonqos u tinsab fl-inqas livell li qatt kienet fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan hekk kif minn tmiem is-sena l-oħra sa Lulju ta’ din is-sena, dawk li jiddependu fuq l-Assistenza Soċjali naqsu b’mija u ħamsin persuna oħra. Dan ifisser li bħalissa hemm 5,443 persuna.
B’dan ifisser li n-numru ta’ dawk dipendenti fuq dan il-benefiċċju niżel, għall-ewwel darba, taħt il-ħamest elef u ħames mitt persuna.
Dan it-tnaqqis ġie rreġistrat f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent kemm bil-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll bil-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani u, anke jekk, fl-aħħar snin lokalment ġiet irreġistrata żieda fil-popolazzjoni.
Bil-maqlub, f’Diċembru tal-2013, meta l-popolazzjoni kienet ferm inqas u l-isfidi kienu ferm iżgħar, dawk fuq l-istess assistenza soċjali kienu jgħoddu għal aktar minn ħmistax-il elf u mija.
Differenza ta’ aktar minn disat elef u sitt mitt persuna jew erbgħa u sittin fil-mija iżjed milli hemm illum.
Dwar dan tkellimna mad-Direttur tad-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, George Cremona.
Hu spjega li, minbarra ż-żieda bla preċedent fl-impjiegi fl-aħħar snin, kien hemm ukoll miżuri li ttieħdu mill-Gvern biex aktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol, fosthom bit-tapering tal-benefiċċji meta wieħed jidħol f’impjieg.
“It-tapering tal-benefiċċji laqat immedjatament lill-benefiċċjarji li kienu fuq l-għajnuna soċjali. Tajjeb ngħidu li l-benefiċċjarji li jkunu fuq l-għajnuna soċjali li jsibu xogħol, jitħallsu parti bħala persentaġġ fil-benefiċċju tagħhom, hekk kif isibu xogħol. Tajjeb li ngħidu li, wara tliet snin li jkunu qed jirċievu t-tapering tal-benefiċċji, għandna studji li qegħdin juru li aktar minn 80% tagħhom ta’ dawn il-benefiċċjarji soċjali baqgħu fid-dinja tax-xogħol, għax kif dejjem ngħidu x-xogħol jagħtik id-dinjità.”
George Cremona – Direttur
Minbarra hekk, Cremona semma wkoll l-In-Work Benefit, li, fl-aħħar snin, żdied sena wara oħra u li issa l-ġenituri m’għandhomx għalxiex japplikaw għalih, hekk kif dan qed jingħata b’mod awtomatiku.
“Dawn huma l-working pay policies, li l-benefiċċjarji soċjali tawhom is-saħħa biex ikabbru l-potenzjal finanzjarju tagħhom għalihom u anke għall-familji tagħhom.”
George Cremona – Direttur
Minkejja li kien hemm tnaqqis f’dawk li kienu kompletament dipendenti mill-Assistenza Soċjali, f’dawn l-aħħar snin il-Gvern investa l-akbar nefqa fuq firxa usa’ ta’ benefiċċji, inkluż fil-pensjonijiet, li ilhom jiżdiedu sena wara oħra, u dawk li jgħinu lill-ġenituri fit-trobbija u t-tagħlim ta’ wliedhom.