Fl-isfond fejn in-numru ta’ nies jaħdmu rdoppjaw fl-aħħar 12-il sena, il-klima ekonomika b’saħħitha ta’ pajjiżna qed twassal ukoll għal opportunitajiet ġodda, fosthom biex aktar persuni jaħtfu l-mument u jiftħu negozju tagħhom.
Il-passi ta’ ġgant fit-titjib tad-drittijiet tal-ħaddiema mill-2013 lil hawn, flimkien mal-klima ekonomika mill-aqwa f’pajjiżna, huma fost l-ingredjenti li qed iwasslu biex l-għadd ta’ persuni lokali jaħdmu għal rashom żdied b’mod sinifikanti.
Fil-fatt jirriżulta li, minflok jagħżlu li jibqgħu impjegati, numru kbir ta’ ħaddiema jħossuhom kunfidenti biżżejjed li f’din l-istabbiltà ekonomika li qed ingawdu ma jibżgħux jieħdu r-riskji u jwettqu l-ħolm tagħhom f’dan ir-rigward.
Waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm ‘Bil-Fatti’ fuq ONE, il-Ministru responsabbli mix-xogħol, Byron Camilleri, qal li, bil-ħidma qawwija tal-Gvern, Malta llum għandha t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad madwar l-Unjoni Ewropea u issa qed jidher aktar ċar kif l-opportunitajiet, li qed jinħolqu, qed ikomplu jwessgħu t-toroq lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin, fosthom biex jiftħu n-negozju tagħhom.
“U punt importanti ħafna hu l-ammont akbar ta’ persuni li qed jitilqu biex jaħdmu self-employed u dik turi wkoll li inti tieħu r-riskju. Issa meta tkun ġej minn familja ta’ ħaddiema, speċjalment bħalna, forsi li titlaq għal rasek taħsibha aktar min darbtejn. Però meta persuna tara klima ekonomika f’pajjiżna li qed tagħti dawn l-opportunitajiet tagħtih dik il-fiduċja, kif qed tgħid int, biex jieħu dak il-pass.”
Il-Ministru Byron Camilleri
“U allura kellek ħafna aktar persuni li qed jieħdu dik it-triq biex jaħdmu għal rashom u allura qed juri li pajjiżna qed joffri l-opportuntajiet u l-Partit Laburista fil-Gvern biss irnexxielu li joħloq din il-klima u li jagħti dawk l-opportunitajiet.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Min-naħa l-oħra, il-Ministru Michael Falzon, li wkoll kien mistieden fl-istess programm, iddeskriva dak li qal l-eks kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia fl-aħħar jiem, meta sostna li ż-żieda fil-benefiċċji soċjali hi xi ħaġa ħażina, bħala dikjarazzjoni perikoluża.
“Issa li f’dan il-baġit erġajna bdejna nroxxu l-benefiċċji, il-benefiċċji it’s a minus, they are not a plus, żid hekk, żid hekk, dawk huma kollha affarijiet ħżiena.” 00.33.36
Salvu Mallia, Eks Kandidat tal-PN
Il-Ministru Falzon qal li dan imur kontra l-ħidma kbira li qed issir biex tkun tista’ titjieb il-ħajja taċ-ċittadini. Fakkar, fost l-oħrajn, fil-pensjonanti u l-ħidma kbira tal-Gvern biex itejbilhom ħajjithom.
“Kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, kull pensjonant ra żieda ta’ mill-anqas €70 fil-ġimgħa.”
Il-Ministru Michael Falzon
Dan hu differenti, qal il-Ministru Falzon, mill-mod kif Gvernijiet Nazzjonalisti ttrattaw lill-pensjonanti u fakkar, fost l-oħrajn, kif fi 22 sena sħaħ m’offrewlhomx imqar żieda waħda.