Minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li, sal-aħħar tas-sena l-oħra, l-għadd ta’ dawk li jaħdmu f’pajjiżna kien jammonta għal 290,995 persuna. Din tfisser li 63.3% ta’ dawk li għandhom bejn ħmistax-il sena u erbgħa u sittin sena għandhom impjieg.
Din iċ-ċifra tirrappreżenta żieda ta’ 15,268 persuna, meta mqabbel mal-aħħar kwart tas-sena l-oħra.
Sa Diċembru li għadda, minn dawk kollha li għandhom xogħol, aktar minn 167,198 huma rġiel, filwaqt li 123,797 huma nisa.
F’din l-istastistika ħareġ li, minn kull mitt persuna fil-pajjiż, 79 persuna huma impjegati.
Ħareġ li l-akbar kategorija ta’ età ta’ dawk li jaħdmu huma dawk li għandhom bejn ħamsa u 25 u 34 sena – dawn jgħoddu aktar minn sitta u tmenin elf persuna. Wara jsegwu dak li għandhom bejn 35 u 44 sena u wara hemm dawk li għandhom bejn 45 u 54 sena.
Il-maġġoranza tal-ħaddiema huma impjegati – dawn jgħoddu għal 247,216 persuna. Dawk li jaħdmu għal rashom huma ta’ 31,676 persuna, filwaqt li dawk li jaħdmu għal rashom u jħaddmu l-ħaddiema magħhom jgħoddu għal 12,043 persuna.