L-għadab tan-Nazzjonalisti sena wara l-elezzjoni ta’ Kap Nazzjonalista, fejn fiha tqaċċat Adrian Delia u tela’ Bernard, għadu jinħass.
Ritratti ta’ kummenti minn grupp fejn fih hemm Nazzjonalisti, bl-isem ‘Partit Nazzjonalista Maqgħudin’ fuq Facebook waslu għand ONE News.
Partitarju Nazzjonalista tefa’ ritratt ta’ laqgħa konfoffa bejn Bernard Grech ma’ Jason Azzopardi u qal “kif qatt nista’ niġi lura, dawn ħadmu kontra Delia.”
Ir-ritratt pubblikat juri silta minn filmat esklussiv li wasal għand ONE News f’Lulju tas-sena l-oħra meta f’ħanut f’tas-Sliema kienu ltaqgħu Jason Azzopardi u Bernard Grech biex jitħammel il-pjan li jkeċċi lil Adrian Delia.
F’din il-kitba kien hemm diversi kummenti, fosthom wieħed minnhom qalilhom din kienet il-prova tal-qerq.
Partitarju qal kif it-tesserati ġew ingannati bil-gideb ta’ Jason Azzopardi u semma kif huwa kien ammetta li ma qalx il-verità dwar dak li kien allega fuq Adrian Delia.
Qalilhom biex issa jgawdu l-frott imħassar li hemm id-Dar Ċentrali, b’referenza ċara għal Bernard Grech.
Kien hemm dawk tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li qalu li ta’ Delia qed jagħmlu minn kollox biex ikissru l-partit u jridu li l-Partit Nazzjonalista jitlef l-elezzjoni.
“Biex jerġgħu jpoġġu lil Delia bħala Kap”, qalet partitarja Nazzjonalista.
Imbagħad wieħed minn tal-fazzjoni Delia qalilhom kif ta’ Busuttil damu tliet snin jagħmlu l-ħsara lil Adrian Delia u qal li mhux se jivvota fl-elezzjoni.
Ieħor qalilhom li qatt mhu se jinsa b’dak li għamlu meta qaċċtu lil Delia u qal li hu żgur mhux se jivvota lil RepubblikaPN.