L-għada tat-traġedja li ħalliet ħames Franċiżi mejta f’pajjiżna, it-triq fil-limiti ta’ Ħal Kirkop tinsab magħluqa u l-post huwa sorveljat.
L-ajruplan li ġġarraf għall-ħabta tas-07:20 tal-bieraħ huwa rreġistrat l-Istati Uniti u mikri lill-kumpanija fil-Lussemburgu.
Kien parti minn operazzjoni Franċiża li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ħames xhur bil-għan li tinvestiga rotot ta’ traffikar illegali, primarjament traffikar tal-bnedmin u tad-droga.
It-titjira kienet irreġistrata mal-Malta Air Traffic Services bħala waħda lokali u kellha tkun lura Malta fi ftit sigħat mingħajr ma tinżel f’pajjiżi oħra. Jidher ma kien hemm ebda splużjoni qabel l-ajruplan waqa’.