Min bakkar kmieni biex jaħrab lejn Għawdex, minn kompla jiffanga fl-ikel u x-xorb u min ħasiblu lejn xi ċentru kummerċjali biex jibda jgawdi mis-sales ta’ dawn iż-żminijiet.
F’jum b’temp sabiħ, crew ta’ ONE News żar bosta bliet u rħula Maltin fejn stajna nosservaw kif kienu bosta l-familji li rħewlha għall-kwiet ħdejn il-baħar flimkien mal-għeżież tiegħu.
Qajla għaddew 24 siegħa mill-Milied, li t-toroq ewlenin fil-Belt, f’Tas-Sliema u bosta ċentri kummerċjali oħra reġgħu bdew jimtlew bl-attività kummerċjali għas-sales tradizzjonali li f’ħafna ħwienet jibdew fl-Istrina. Għad sostanzjali ta’ ħwienet dehru jħejju ruħhom għal dan il-perjodu tant imfittex mill-konsumaturi b’ħafna minnhom dehru jdendlu t-tabelli biex jindikaw li raħħsu l-prezzijiet.
L-erba’ vapuri tal-Gozo Channel ħadmu ġmielhom u għabbew mijiet ta’ passiġġieri li għażlu li jqattgħu dan il-jum f’Għawdex.
Oħrajn għażlu li jużaw is-servizz tal-lanċa mill-Kottonera biex ikomplu jgawdu l-atmosferma festiva li hemm fil-Belt b’mod partikolari l-villaġġ tal-Milied fi Pjazza Tritoni.
Ma kinux biss dawk li riedu jmorru l-Belt li gawdew mit-temp sabiħ, hekk kif sajjieda minn Wied il-Għajn u minn l-Isla rħewlha għall-kwiet jistadu biex forsi jaqilgħu l-ħobża ta’kuljum.
U fi triqitna stajna nosservaw ukoll bosta li ħarġu jimxu jew jaqdfu r-rota biex ipattu għall-ikel li kielu fl-aħħar jiem bit-tir li jaħarqu l-kaloriji u jneħħu ftit mill-piż żejjed li akkumulaw.