Għall-ħabta ta’ nofsinhar ngħata bidu għas-27 edizzjoni tal-Istrina – s’issa d-donazzjoni miġbura qabżet it-tliet miljun ewro.
Il-maratona anwali ta’ tnax-il siegħa tibqa’ għaddeja sa nofsillejl bid-donazzjonijiet li jinġabru bħal kull sena jmorru għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Fl-istess ħin fil-gżira tat-Tliet Għoljiet kienet għaddejja wkoll attività f’Villa Rundle, fir-Rabat, Għawdex.
Intant, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fetħu din l-edizzjoni tal-Istrina.
Il-President ta’ Malta, George Vella, rringrazzja lil dawk it-tekniċi u l-voluntiera kollha li jagħmlu l-Istrina ssir realtà.
Huwa qal kif il-Malta Community Chest Fund huwa karus kbir li jappoġġja lil dawk il-persuni li jkollhom bżonnu f’sitwazzjonijiet diffiċli tul ħajjithom.
Qal, “Jien f’okkażżjonijiet oħra kelli ċ-ċans li dan il-jum insejjaħlu, jum ta’ għaqda nazzjonali għaliex minkejja d-diverġenzi kollha li jkollna kemm politiċi u oħrajn. Illum il-ġurnata ilkoll ningħaqdu meta nħarsu lejn l-għan aħħari ta’ dak li qegħdin niġbru għalih. Dan il-fond huwa karus kbir, li nirreferu għalih bħala l-Malta Community Chest Fund, illi sfortunatament ħafna jkollhom il-bżonn li jduru għalih biex isibu l-għajnuna f’mumenti diffiċli ta’ ħajjithom.”
George Vella qal ukoll li flimkien ma’ martu jinsabu kommessi li jagħtu l-attenzjoni kollha lill-Malta Community Chest Fund biex jaraw li kull ewro li jidħol jiġi mqassam kif suppost u b’mod ġust.
Il-President Vella awgura kull suċċess għal din l-edizzjoni tal-Istrina billi tkun tirrifletti l-qalb tal-Maltin filwaqt li ħeġġeġ lil poplu Malti jkun ġeneruż billi jagħmel id-donazzjoni tiegħu.
Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, ħeġġeġ lil kulħadd juri solidarjetà u ġenerożità biex ilkoll nagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies.
L-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna ddeskriva l-Istrina bħala festa ta’ ġenerożità nazzjonali.
Huwa rringrazzja l-ħidma tal-President George Vella u martu li qal kif se jdawwru kull kontribuzzjonijiet tal-poplu f’affarijiet kbar.
L-Arċisqof innota kif kull kontribuzzjoni għandha missjoni kbira x’taqdi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech ukoll għamel l-indirizz fi ftuħ il-maratona.
Waqt il-maratona, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard preżentat donazzjoni ta’ elf ewro f’isem il-Partit Laburista.
Fost l-attivitajiet li saru matul din is-sena b’risq l-Istrina kien hemm il-Fun Run tal-President u l-kunċert ‘Rockestra’ ġabru aktar minn mitejn elf kull attività.
Dan filwaqt li l-inizjattiva tal-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’ ġabret ‘l fuq minn mija u tletin elf ewro.