“L-għada tal-jum li fih ingħad li nqatlet Sion Grech, jien rajtha u kellimtha l-Marsa.”
Hekk xehed Jason Galea meta, matul il-jum tal-Ħamis, kompla jinstema’ l-ġuri taż-żewġt irġiel li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Sion Grech, ta’ 20 sena, mis-Siġġiewi f’Marzu tal-2005.
Fix-xhieda tiegħu, Galea qal li huwa kien inzerta lil Habesh f’ħanut fl-Imsida fejn kien qed jixrob ma’ oħtu. Kien hawn li Habesh talab lil Galea għal torċ. Fix-xhieda tiegħu, huwa qal li kien jaf lil Habesh minn meta kienu jkunu fiċ-ċentru tad-detox imma stqarr li ma kienx jagħmilha miegħu.
Wara Galea, xehed professur li ħadem fuq l-awtopsja. Huwa spjega li mill-ħanek u s-snien beda jsir jaf għadd ta’ fatti fosthom l-età tal-vittma. Il-Professur xehed li, meta persuna tkun ilha mejta aktar minn ħamest ijiem, is-snien jiġu roża. Qal li, fil-każ ta’ Sion, snienha kienu għadhom bojod.
Fir-raba’ jum ta’ dan il-ġuri xehed ukoll il-Perit Richard Aquilina, li dakinhar li nstabet Sion għamel mappa tal-post u ta’ kif instabu l-affarijiet tagħha. Huwa qal li kien sab par żarbun tan-nisa kulur abjad, qalb il-ħaxix għoli, filwaqt li iktar ’il ġewwa kien hemm il-katavru ta’ Sion li kien liebes ġakketta kannella, bra iswed u dublett tal-jeans. Il-Perit Aquilina xehed ukoll li, ħdejn il-katavru, instabu wkoll mobile phone u lighter blu.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ wkoll l-Ispettur Adrian Sciberras, li kien wasallu rapport ta’ karozza misruqa. L-għamla ta’ din il-karozza kienet ta’ Ford Escort ta’ lewn aħmar. Ftit taż-żmien wara, huwa kien mgħarraf li l-karozza kienet instabet u li kienet qed tinżamm id-Depot b’rabta mal-qtil ta’ Sion Grech.
Xehed ukoll Alfred Scerri, li huwa s-sid tal-karozza misruqa, li qal li kien qiegħed San Pawl il-Baħar u sakemm daħal u ħareġ jixtri minn ħanut, il-karozza sparaxxiet. Wara huwa mar jagħmel rapport lill-pulizija. Scerri xehed ukoll li persuna li kien jafha għarrfitu li l-karozza kienet tkun Raħal Ġdid.
Xehed ukoll ir-raġel li għarraf lil Alfred Sciberras li kien ra l-karozza Raħal Ġdid. Fuq il-pedana tax-xhieda, Sciberras xehed li hu beda jsegwi l-karozza li kienet daħlet fl-inħawi ta’ Albert Town, fejn sab il-Pulizija jistennewh għax kien magħhom fuq il-linja. Meta ġie mistoqsi jekk jiftakarx min kien qiegħed isuq, ix-xhud wieġeb li ma jiftakarx. Ma’ din id-dikjarazzjoni qam argument fl-awla. Dan għax meta ta stqarrija lill-pulizija fl-2013, huwa kien qal li tilfu lis-sewwieq tal-Escort u mhux li waqqfuh il-Pulizija, kif xehed illum.
Il-Prosekuzzjoni qrat ix-xhieda ta’ Jamal, li kien ħabib ta’ wieħed mill-akkużati u li kien qed juża l-karozza. Fl-istqarrija tiegħu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Jamal qal li ltaqa’ mal-vittma u ma’ Habesh qrib l-Isptar San Luqa. Qal li dakinhar Habesh beda jgħid li daħal fl-inkwiet mal-familja tal-mara għax kien jagħmilha ma’ persuna omosesswali.
Hu rrakkonta l-ġurnata meta seħħ ir-reat, kif Habesh kien qal lill-vittma biex ma timxix miegħu biex ma jidhirx. Habesh u Jamal kienu ħadu l-eroina fil-Marsa waqt li Grech kienet qed titlajja. Wara, Grech iltaqgħet mal-irġiel u qaltilhom li kellha d-demm għax kienet involuta f’argument ma’ klijent. Jamal qal li beda miexi lejn id-dar għax kien sarlu l-ħin u fl-9.45pm kien ġie jkellmu Habesh f’daru. Habesh staqsieh fejn kienet Grech u hu qallu li kienet qrib l-HSBC tal-Marsa. Kien hawn li Habesh talbu biex iġiblu l-iskufja u l-ingwanti tiegħu li kienu d-dar.
Telgħet tixhed ukoll Alexia Gatt, li kienet taf lil Sion u kienu jitlajjaw flimkien. Mistoqsija dwar ir-relazzjoni bejn Sion u Habesh, Gatt qalet li kienu jidhru li huma ħbieb sew. Hija xehdet ukoll li kienet xi ħaġa normali li f’dawk l-inħawi tara r-rġiel isawtu lin-nisa.