Issa li l-pajjiż approva li żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet ġenerali, il-pass li jmiss hu li nibnu ġenerazzjoni ta’ attiviżmu politiku fost iż-żgħażagħ ta’ 16 –il sena. Dan intqal l-FZL fi stqarrija fejn sostnew li l-pass li ħa l-parlament ilbieraħ huwa prova oħra li bil-persistenza u t-twemmin sod tasal. Dan hekk kif ħolma ta’ għaxar snin ilu tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, issa saret realtà u pajjiżna sar it-tieni wieħed fl-Ewropa li għandu dan id-dritt.
Bħala l-pass li jmiss il-Forum Żgħażagħ Laburisti qiegħed iniedi uffiċjalment il-kampanja Ġenerazzjoni Sittax bil-għan li l-iżgħar membri tagħna jingħataw l-ispazju fejn jiżviluppaw il-ħsibijiet politiċi u kritiċi tagħhom.
Matul din il-kampanja, se jsiru numru t’attivitajiet u diskussjonijiet immirati lejn il-votanti l-ġodda.
Diġa’ beda jopera sotto-kumitat fi ħdan l-FŻL, kompost fil-maġġor parti minn żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena li se jkunu qed jikkontribwixxu direttament f’din il-kampanja bl-ideat tagħhom.
L-FŻL dejjem kien minn ta’ quddiem biex jitkellem dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li se jkunu qed jaffettwawhom direttament, madanakollu, nemmnu li l-Vot16 se iwassal għal interess ikbar fl-attiviżmu politiku żagħżugħ. B’hekk din il-kampanja hi mmirata biex żżid l-opportunitajiet għal dawn iż-żgħażagħ.
Bħala rappreżentanti ta’ waħda mill-ikbar għaqdiet taż-żgħażagħ f’pajjiżna, nemmnu li hija xi haġa inkoraġġanti ferm li Gvern Laburista għaraf li l-Vot 16 għandha tkun fil-quċċata tal-aġenda politika.
Il-FŻL issa jħares ‘il quddiem lejn diskussjonijiet serji dwar il-kandidatura ta’ żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għaliex nemmnu li dan huwa pass naturali biex pajjiżna jkompli jassorbi l-massimu tal-potenzjal żagħżugħ.