Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li fil-baġit li jmiss il-Gvern se jkun qed jibda konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta li żgħażagħ ta’ 16 –il sena jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali f’pajjiżna. Fi stqarrija l-Forum Żgħażagħ Laburisti stqarr li jaqbel li dawn iż-żgħażagħ għandu jingħatalhom il-vot, bħal ma diġa sar minn dan il-Gvern stess għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien diġa ddikjara s-sena l-oħra waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet lokali, li fihom iż-żgħażagħ ta’ 16 –il sena kienu qed jivvutaw għall-ewwel darba, li dan kien l-ewwel u li l-pass li jmiss kien li żgħażagħ ta’ dik l-età jibdew jivvotaw ukoll fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet Ġenerali.
Fi kliem il-Forum, żgħażagħ ta’ dik l-età jkunu diġa ħadu bosta deċiżjonijiet importanti u li jidetterminaw il-futur tagħhom u għandhom allura huma wkoll ikollhom il-jedd li jidetterminaw il-futur ta’ pajjiżhom.
Minkejja li dan il-Gvern m’għandux il-mandat elettorali li jdaħħal il-vot lil żgħażagħ ta’ 16 –il sena xorta waħda qed jaħdem biex idaħħal aktar drittijiet ċivili hekk kif rajna tul din il-leġislatura kollha, fosthom anke aktar drittijiet liż-żgħażagħ u propju għalhekk se jkun qed jimbotta ‘il quddiem konsultazzjoni pubblika fuq il-materja.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti stqarr li huwa kburi li qed ikun ukoll parti mill-legat li se jħalli warajh dan il-Gvern fejn iż-żgħażagħ qed ikunu tabilħaqq protagonisti u mhux biss ‘ornament’ waqt xi manifestazzjoni poltika.
Aqra aktar: Il-Gvern se jiddiskuti vot ta’ 16-il sena fl-elezzjoni ġenerali