Għal sena oħra, il-Forum Żgħażagħ Laburisti organizza konsultazzjoni għaż-żgħażagħ mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, ftit ġimgħat ‘il bogħod mill-baġit għas-sena d-dieħla.
Kearon Bruno, il-Viċi President tal-FŻL, qal li din hija opportunità għaż-żgħażagħ biex jagħtu l-kontribut tagħhom fil-proċess tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
“Wara s-suċċess li kellha l-attività tas-sena l-oħra, bħala eżekuttiv tal-Forum Żgħazagħ Laburisti iddeċidejna li niftħu din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Ministru Scicluna għall-membri kollha tagħna sabiex b’hekk inkunu nistgħu intuhom l-opportunita li flimkien inressqu ‘l quddiem il-proposti u l-mistoqsijiet tagħhom, kif ukoll jifhmu mill-viċin il-proċess tal-baġit”.
Matul din il-laqgħa tqajmu diversi temi li jolqtu liż-żgħażagħ.
“Bħala laqgħa kienet waħda ta’ suċċess, fejn iż-żgħażagħ setgħu jifhmu aħjar x’inhu jiġri minn wara l-kwinti u x’inhu jwassal biex pajjiżna qed jikseb dan l-andament ekonomiku tant pożittiv. Ukoll, setgħu jifhmu aħjar u mill-viċin x’miżuri hemm biex inkomplu ngħinu aktar liż-żgħażagħ”.
Il-Ministru Edward Scicluna esprima l-entużjażmu tiegħu għall-ġenerazzjoni li ġejja u tenna l-fiduċja tiegħu fiż-żgħażagħ Maltin.
“L-entużjażmu tagħhom ma jissuperah ħadd – is-serjetà, l-viżjoni. Huma l-mexxejja t’għada u jkun dejjem pjaċir tiegħi, kull sena, li nindirizzhom u nfemhom fejnhi l-ekonomija, fejn irid imur il-baġit, u fejnhi l-viżjoni ta’ dan il-Gvern. Jiġifieri, xi ħaġa li japprezzawha ħafna”.
Minbarra li wieġeb il-mistoqsijiet ta’ dawk preżenti, il-Ministru Scicluna tkellem ukoll dwar l-andament ekonomiku Malti. Stqarr kif pajjiżna minn dejjem kellu sens ta’ għaqal ekonomiku, dan hekk kif Malta hija gżira żgħira dipendenti biss fuq ir-riżors uman. Huwa qal li dan il-gvern se jħalli lill-ġenerazzjoni tagħhom il-ġid minflok id-dejn.