Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ġiet preżentata mozzjoni politika dwar id-dekriminalizzazzjoni tad-droga kannabis, fosthom l-użu personali b’mod responsabbli.
Permezz tal-mozzjoni, li tikkumplimenta wegħda elettorali tal-Partit Laburista, il-Forum Żgħażagħ Laburisti qed jirrikonoxxi li l-proċess leġislattiv li ddekriminalizza d-dogra kannabis, ħalla effett pożittiv, mhux biss legali iżda wkoll soċjali.
Infatti, il-mozzjoni hija mibnija fuq żewġ pilastri: il-kontinwazzjoni ta’ riċerka u l-edukazzjoni.
Permezz ta’ din il-mozzjoni, l-FŻL appella għal reviżjoni fil-liġi biex tirriflettti r-realtà tal-lum, hekk kif anke dawk li jinqabdu b’ammonti żgħar xorta waħda qed iwasslu għal proċeduri kriminali.
Biex ikun żgurat li jinqered it-traffikar illegali tal-istess sustanza, l-FŻL ippropona li titkompla r-riċerka biex jinstab l-aktar mudell ta’ legalizazzjoni li jagħmel sens għar-realtà ta’ pajjiżna.
Din il-mozzjoni qed tara wkoll li tkompli tiġġieled ir-realtà ta’ esklużjoni u marġinalizzazzjoni soċjali li jistgħu jwasslu għal dannu fuq is-soċjetà nnifisha.
Fl-ewwel indirizz tiegħu lill-Forum Żgħażagħ Laburisti, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela appella liż-żgħżagħ quddiemu biex ma jibżgħux jimplimentaw dak li joħolmu.
Dr Abela stqarr, “Implimentaw u wettqu dak li temmnu fih. Jien se nkun magħkom wegħdkom li dejjem se nkun ta’ spalla magħkom u hekk ser nibqa’ nagħmel. Il-Partit Laburista se jkun magħkom u jien ċert li se jkun magħkom il-pajjiż kollu.”
L-FŻL propona wkoll li fiż-żmien li ġej jidħol f’diskussjoni mal-istakeholders ikkonċernati biex ifassal pożizzjoni studjata bi proposti ċari u konkreti.Dawk kollha li huma interessati li jipparteċipaw f’dan id-dibattitu huma mitluba li jiktbu lill-FŻL permezz ta’ email fuq info@fzl.org.mt