Saru arranġamenti ġodda għall-funeral ta’ Marzia Maatouk, li l-katavru tagħha nġieb lura f’pajjiżna mil-Libja fl-aħħar tax-xahar li għadda, wara ħafna sforzi mill-familja tagħha u trattattivi mill-Gvern Malti.
Oriġinarjament il-Maltija ta’ 26 sena kienet se tingħata l-aħħar tislima fit-30 ta’ Novembru li għadda u kienu diġà saru l-arranġamenti neċessarji, iżda dawn kellhom jiġu sospiżi wara li nfetħet inkjesta mill-awtoritajiet.
Marzia kienet instabet mejta fl-24 ta’ Mejju li għadda fil-Libja, wara li kienet maħruba mas-sieħeb tagħha, Jomic Calleja Maatouk, u nħareġ mandat t’arrest internazzjonali għalihom. Is-sieħeb tagħha kien arrestat fil-viċinanzi u sal-lum għadu miżmum fil-Libja.
L-inkjesta nfetħet bħala proċedura normali meta jkun hemm suspett li mewt ta’ Malti jew Maltija jkun riżultat ta’ omiċidju, anke jekk dan iseħħ f’pajjiż barrani. F’dan il-każ, l-inkjesta ma setgħetx tinfetaħ qabel il-katavru ta’ Marzia nġieb f’Malta.
Issa qraba tal-mara ħabbru li l-funeral se jsir nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru fit-8:00 ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ Ħaż-Żebbuġ.