Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ħarġet stqarrija li fiha tgħid li ċ-chairman u l-bord tad-diretturi jirrifjutaw bil-qawwi l-akkużi li għamel Philip Rizzo. Dan qal li bord ma appoġġax is-suġġerimenti tiegħu biex allegazzjonjiet dwar Edward Caruana, li kien jagħti pariri tekniċi lil Ministru, ikunu sottomessi għal investigazzjoni interna, u l-kwistjoni tmur għand il-Pulizija.
Iċ-chairman u l-bord tad-diretturi stqarr li appoġjaw li l-kwistjoni tittieħed fejn hemm bżonn, sabiex issir investigazzjoni.
Jumejn ilu l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irċieva u aċċetta r-riżenja ta’ Philip Rizzo minn Kap Uffiċjal Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.
Fi stqarrija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, intqal li “fl-ittra tar-riżenja, Rizzo jagħmel allegazzjonijiet foloz u bla bażi kontra l-Ministru Evarist Bartolo li b’xi mod jew ieħor żamm milli jirraporta każi ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.”
Dan ġie miċħud kategorikament fl-ittra li l-Ministru bagħat lil Rizzo u li kienet ippubblikata. Jirriżulta wkoll li l-Ministeru tal-Edukazzjoni rrapporta allegazzjonijiet dwar tmexxija ħażina fl-FTS qabel Rizzo.
Iktar minn hekk il-Ministru Bartolo bagħat l-ittra ta’ Rizzo, u t-tweġiba għaliha, lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni, lill-Internal Audit and Investigations Department, u lill-Kummissarju tal-Pulizija, u offra l-koperazzjoni sħiħa tiegħu.
L-istess għamel is-Segretarju Permanenti bir-risposta tiegħu lis-Sur Rizzo, fejn bagħat l-ittra tiegħu lill-awtoritajiet imsemmija.