Mir-rapport annwali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, għall-2023, jirriżulta li l-ħaddiema u t-taqsimiet kollha tagħha ttrattaw total ta’ 24,877 każ, żieda ta’ 4.5% fuq is-sena preċedenti u d-doppju ta’ dawk li kienu ngħataw l-attenzjoni fl-2011.
Fi preżentazzjoni tar-rapport, fejn attenda wkoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, ingħad kif is-sena l-oħra rat iżjed investiment mill-Gvern fis-settur, fost l-oħrajn, biex aktar żgħażagħ jidħlu fis-settur, fejn id-domanda hi dejjem kbira.
Minbarra hekk, b’riżultat tal-ħidma tal-professjonisti tal-fondazzjoni, l-2023 rat l-inklużjoni ta’ 16-il żagħżugħa fid-dar residenzjali Vincenzo Bugeja, li llum qed jgħixu fil-komunità.
Ingħad li, matul l-2023, saret enfażi wkoll biex titqajjem iżjed kuxjenza u għarfien fost il-poplu dwar ħidmet l-FSWS, f’kampanja li ħalliet il-frott tagħha biż-żieda ta’ każi li resqu ’l quddiem u fittxew l-għajnuna f’xi wieħed mis-servizzi pprovduti mill-Istat, permezz tal-fondazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, ħabbar li l-aktar faxxa ta’ etajiet li rrikorrew għas-servizzi kienet dik ta’ bejn it-18 u d-39 sena, li ammontaw għal 27%, segwiti minn dawk ta’ bejn l-40 u d-59 sena.
Mill-każi kollha fl-2023, 53% kienu tas-sess femminili.
Miż-żoni madwar il-pajjiż, ġiet irreġistrata żieda kullimkien, bir-residenti fit-Tramuntana tal-Port kienu l-aktar li rrikorrew għall-għajnuna b’25% tal-każi, waqt li dawk fin-Nofsinhar tal-Port ammontaw għal 22%.
Mis-servizzi l-aktar mitluba, il-maġġoranza ttrattaw dawk relatati ma’ problemi ta’ saħħa u saħħa mentali, abbuż fuq minorenni u vjolenza domestika, u abbuż ta’ sustanzi, waqt li l-aġenziji jew direttorati fi ħdan l-FSWS li ttrattaw każi kienu l-Appoġġ b’aktar minn 9,000 każ, id-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Minuri bi kważi 4,400 każ u d-Direttorat ta’ Kura Alternattiva b’iżjed minn 3,200 talba.
Grixti enfasizza li l-madwar elf impjegat attwali tal-fondazzjoni jagħmlu xogħol impekkabbli, fost l-oħrajn, billi ttrattaw ma’ 13,000 telefonata li daħlu fuq il-linja 179 biex ukoll twaqqfu milli jseħħu każi ta’ suwiċidji.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Falzon qal li dan ir-rapport jirrifletti l-ħidma sfieqa ta’ sena fis-70 post, li minnhom joperaw tali servizzi, fejn anke li tisma’ hu tajjeb u importanti, imma li tkun inti u toħroġ idejk hi aktar maġika biex almenu jittaffew il-problemi ta’ dawn il-pjagi soċjali.
“Issa mhux inħarsu biss lura lejn l-2023, imma nħarsu ’l quddiem. Inħarsu ’l quddiem fis-sens li nkunu hemm għan-nies. M’għandniex soluzzjonijiet għal kulħadd biex insolvu kollox, imma li nkunu hemm biex nagħtu daqqa t’id fil-mumenti diffiċli hu dover tagħna.”