Kelli arma tan-nar ippontata lejn rasi… qlajt daqqiet fl-istonku u f’wiċċi… episodji ta’ stupru bla limitu. Spiċċajt fil-kamra tal-banju nipprova nitgħallaq biċ-ċintorin tat-traffikant tiegħi, iżda lanqas tani ċans.
Din hi l-istorja ta’ żagħżugħa ta’ għoxrin sena, omm ta’ żewġt itfal żgħar, li spiċċat ittraffikata mill-għarus tagħha.
L-istorja tagħha nxterdet minn uffiċjal tal-aġenzija Appoġġ, waqt il-konferenza annwali organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, biex tqajjem għarfien dwar it-traffikar uman.
Din il-konferenza, li saret għas-sitt sena konsekuttiva, iffokat dwar il-prevenzjoni, bit-tema ‘Preventing Human Trafficking: Stopping the Abuse before it Happens’.
Fil-fatt, tul il-konferenza ġiet sostnuta l-importanza tal-prevenzjoni fejn tidħol din il-pjaga soċjali, biex tittieħed azzjoni qabel jitwettaq l-att u jiġu protetti l-vittmi mill-esplojtazzjoni.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, qalilna kif il-fondazzjoni, permezz tal-Appoġġ, tgħin lil dawn il-vittmi b’servizzi offruti minn xelter speċjalizzat.
Din is-sena s’issa, dan ix-xelter diġà laqa’ disa’ persuni, filwaqt li s-sena l-oħra, ġew assistiti sitta u għoxrin vittma ta’ traffikar uman – erbgħa u għoxrin mara u żewġt irġiel.
Il-maġġoranza tal-vittmi kienu żgħażagħ ta’ bejn id-dsatax u l-ħamsa u għoxrin sena, iżda kien hemm ukoll każ ta’ persuna ta’ sittin sena. Xhieda li dan il-fenomenu jista’ jolqot lil kulħadd.
Stqarr, “Hemm diversi forom ta’ traffikar uman – minn dak li hu sex trafficking, imma anke labour exploitation. Labour exploitation x’inhu? Li inti timpjega lil xi ħadd barrani, il-kelma teknika hi third country national, għax ma jkunx ċittadin tal-Unjoni Ewropea u, meta jasal hawn, teħodlu l-passaport, teħodlu d-dokumentazzjoni kollha u tgħidlu ‘jekk ma tagħmilx li ngħidlek, ma nagħtikx lura d-dokumenti u l-passaport’, u ovvjament dak hu abbuż kbir.”
Dawn il-vittmi ġew mgħejjuna b’servizzi li jvarjaw, primarjament, minn akkomodazzjoni għal servizzi ta’ terapija u dawk amministrattivi.
Qal, “Dawn ma jkollhomx fejn imorru, allura aħna l-ewwel ħaġa li nagħmlu hu li nagħtuhom saqaf fuq rashom, imbagħad hemm l-ispettru kollu tad-diversi għajnuniet soċjali, bħal pereżempju counselling, terapija, affarijiet amministrattivi li nakkumpanjawhom għand Identità biex iqiegħdu l-karti u nibqgħu ngħinuhom anke meta jkollhom dritt li bħala ċittadini jistgħu jaħdmu f’Malta, biex isibu mpjieg bil-ktieb, jiġifieri impjieg regolari, ħalli huma jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti.”
Indirizzaw il-konferenza wkoll il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Michael Falzon, u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ugwaljanza, Rebecca Buttigieg.