Il-Fondazzjoni għas-Servizzi u l-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, investiet madwar mitejn u ħamsin elf ewro f’sitt vetturi elettriċi biex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tagħha ta’ kuljum. Dan filwaqt li l-vetturi nfushom ikunu ambjentalment aktar sostenibbli.
Il-proċess għal dan ix-xiri nbeda fl-aħħar xhur tal-2022, biex f’April tas-sena l-oħra ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti b’dik rebbieħa wasslet il-vetturi fl-aħħar ġranet lill-Fondazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, innota kif dan l-investiment hu l-ewwel wieħed f’għaxar snin hekk kif qegħdin jieħdu post vetturi li kienu jinkrew mill-Fondazzjoni u spjega kif ittieħdet id-deċiżjoni biex dawk il-vetturi mixtrija jkunu elettriċi.
Qal, “Dan hu l-ewwel investiment li qegħdin nagħmlu f’vetturi ġodda f’għaxar snin. Ovvjament illum irridu nimxu maż-żminijiet u nuru l-impenn ambjentali tagħna bil-fatti, għalhekk investejna kwart ta’ miljun ewro biex ħriġna sitt vetturi ġodda fjamanti, full electric. Il-pjan hu li l-karozzi li niġu biex inbidlu kull darba jkunu jaħdmu biss bl-elettriku.”
Il-Ministru politikament reponsabbli minn din il-Fondazzjoni, Michael Falzon, wieżen id-deċiżjoni meħuda, filwaqt li faħħar ix-xogħol li din il-Fondazzjoni tagħmel ta’ kuljum.
Stqarr, “Il-Fondazzjoni hi investiment fiha nfisha għas-soċjetà tagħna. Il-baġit, l-allokazzjoni hi allokazzjoni konsiderevoli. Hawnhekk qed nagħtu sehemna mhux biss għat-titjib tas-soċjetà, imma anke t-titjib tal-ambjent. Investejna kwart ta’ miljun ewro f’sitt karozzi illi żgur huma elettriċi, allura żgur se jħallu impatt pożittiv.”