L-Avultun, li l-BirdLife Malta ngħataw mill-awtoritajiet Maltin wara li din it-tajra, rari għall-gżejjer Maltin, inqabdet fl-inħawi tal-Freeport ftit tal-jiem ilu u wara li kienu saru rapporti minn kaċċaturi membri tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), miet fi Sqallija fejn kien intbagħat mill-istess BLM sabiex ikun jista’ jerġa jinħeles fis-selvaġġ.
B’reazzjoni għal dan, l-FKNK tinnota li infallibilment, kull għasfur li jinġabar jew jingħata lill-BLM, biex dawn suppost idewwu u biex eventwalment jerġa jintelaq fis-selvaġġ, jew jinqatel mill-istess BirdLife Malta, jew imut.
L-FKNK qalet li BirdLife Malta misshom kienu jafu li l-Avultun, bl-isem ta’ Maximus, ma kienx f’kondizzjoni ta’ saħħa biżżejjed sabiex dan jintbagħat barra biex jinħeles. Imma, milli jidher, l-importanti hu l-fatt li l-BirdLife Malta ħadu l-pubbiċità bil-prominenza neċessarja mill-midja. Għalhekk, issa, li milli jidher l-Avultun miet kaġun tal-istess negligenza tal-BLM, il-midja magħndiex tibqa siekta imma għanda tippublika dan il-fatt bl-istess prominenza.
Fl-opinjoni tal-FKNK, dan l-inċident wera biċ-ċar li l-BLM mhux vera jimpurtahom mill-protezzjoni tal-għasafar, imma moħħom biss biex japprofittaw rwieħom minn kull okkażjoni sabiex jieħdu l-popolarità mill-midja u jkompli jakwistaw il-fondi b’tali teatrini.
B’reazzjoni għal dan, Birdlife Malta għamlitha ċara li hi ntalbet biex tassisti u tieħu f’idejha l-għasfur mill-Gvern.
BLM stqarret li diversi entitajiet kienu involuti f’din il-ħidma ta’ salvataġġ li saret f’tentattiv biex tkun salvata l-ħajja ta’ dan l-għasfur, fosthom il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA), it-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal-Korp tal-Pulizija, id-Diviżjoni Veterinarja tal-Gvern u ħaddiema tal-Malta Freeport.
BirdLife Malta tiddikjara li hi dejjem ħadmet, kif se tkompli tagħmel, biex tħares in-natura u l-għasafar fl-interess tal-ġid komuni.
“Wasal iż-żmien li l-Federazzjoni tal-kaċċaturi wkoll tibda tfittex li tikkollabora, minflok taħli l-ħin kontinwament tipprova twaħħal f’dak u fl-ieħor,” temmet tgħid il-BLM.