Filwaqt li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tawgura staġun tajjeb lill-kaċċaturi matul il-kaċċa tradizzjonali tar-rebbiegħa li se jiftaħ fl-1 t’April, trid twissi lill-istess kaċċaturi li l-FKNK mhix ser tittolera ebda illegalità li tista’ twassal għall-konsegwenzi drastiċi, apparti li kull illegalità tistà wkoll tippreġudika l-ftuħ ta’ staġuni tar-rebbiegħa tal-futur.
Dan l-istaġun, li bħal dejjem se jkun strettament sorveljat mill-Pulizija, se jkun miftuħ għall-kaċċa tas-summien biss, u fil-ħinijiet u skond il-kwoti stabiliti, b’liċenzja speċjali u konformi mall-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tad-deroga li qed tiġi applikata.
Kull illegalità, nkluż qbid/teħid jew attentat ta’ qbid/teħid ta’ xi tajra/għasfur oħra/ieħor, inkluż tal-gamiema, tista’ tkun soġġetta għall-multi u pieni ħorox ta’ eluf kbar ta’ ewro, priġunerija u telf tal-liċenzja għall dejjem, fost pieni oħra li jistgħu jkunu mposti mill-Qrati.
Ħadd m’għandu jkun kaġun tar-rovina u l-ħela tax-xogħol kollu u l-flus kbar li qed jinvestu l-FKNK u l-Gvern, sabiex isir minn kollox biex mill-aktar fis possibbli jista’ jkollna l-possibbiltà li terġa tkun permessibli l-kaċċa tradizzjoni tar-rebbiegħa, kemm tas-summien kif ukoll tal-gamiem.