Flimkien ma’ 37 għaqda simili oħra minn madwar l-Ewropa, Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (l-FKNK) tat bidu għal kampanja lokali għall-ġbir ta’ petizzjoni bit-tema: ‘Niddefendu l-Wirt Kulturali Tagħna’. L-għaqdiet kollha huma membri tal-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni (il-FACE).
Il-President tal-FKNK, Lucas Micallef, qal li l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea, għandhom jifhmu bis-sħiħ li d-drawwiet u t-tradizzjonijiet Maltin, inklużi l-kaċċa u l-insib, huma parti integrali mid-diversità kulturali Ewropea u għodod vitali għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali u għall-benesseri soċjali.
Huwa spjega li l-kampanja qed issir b’reazzjoni għal dawk li rrefera għalihom bħala n-numru dejjem jikber ta’ problemi għas-seba’ miljun kaċċatur fl-Ewropa li qed jinħolqu mill-Unjoni Ewropea, minn fejn joħorġu l-biċċa l-kbira tar-regoli u r-regolamenti li jaffettwaw il-kaċċa u l-konservazzjoni.
Filwaqt li appella lill-pubbliku biex jiffirma l-petizzjoni, Lucas Micallef qal li l-FKNK trid tassigura li dak li qiegħed jiġri lill-kaċċa u l-insib ma jseħħx ukoll fuq attivitajiet u prattiki oħra li għandhom x’jaqsmu mat-tradizzjonijiet, il-kultura, il-wirt, l-arti, u l-identità tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK u Viċi President tal-Mediterran tal-FACE, Lino Farrugia, spjega l-mezzi disponibbli għall-ġbir tal-firem, jiġifieri online jew bil-QR Code, jew inkella manwalment fuq il-formoli adekwati li l-FKNK se tqassam madwar il-ġzejjer Maltin. Lino Farrugia qal li l-kampanja tal-ġbir tal-firem madwar l-Ewropa kollha se tibqa’ sejra għal sitt xhur, sakemm f’Ottubru 2022 il-FACE tippreżenta l-petizzjoni fil-Parlament Ewropew fi Brussell.